'Kull każ ta' mibegħda għandu jkun investigat u mtella' l-Qorti' - FRA
Hekk kif il-Pulizija kienu kkonfermaw ma' inewsmalta.com
li bejn Jannar u Ottubru tas-sena 2015 ma ressqu ebda każ il-Qorti
b'rabta ma' razziżmu, l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali
(FRA) f'rapport li ppublikat saħqet li biex ikun indirizzat il-fenomenu
tar-razziżmu u x-xenofobija, kull Stat membru għandu jiżgura li
jinvestiga kull allegat każ ta' kriminalità ta' mibgħeda jew kliem ta'
mibgħeda. Dan ikun segwit b'passi l-qorti skont il-proċeduri nazzjonali u
fejn hu relevanti b'konformità mal-proviżjonijiet Ewropew dwar razziżmu
u xenofobija.
Ir-rapport tal-FRA jenfasizza l-bżonn ta' kampanji li
jinkoraġixxu lill-persuni jirrappurtaw allegati atti ta' mibgħeda, fejn
xi stati membri anke tejbu is-sistema ta' ġbir ta' informazzjoni fuq
reati simili. Ir-rapport isemmi kif fi Franza u l-Finlandja kien hemm
kampanja simili, waqt li l-Pulizija Skoċċiża u l-l-Ministru tal-Intern
Spanjol ukoll għamlu kampanji simili.
Mir-rapport joħroġ li Malta hi assenti minn programm
ta' prattika tajba dwar kif għandhom ikunu trattati allegati atti ta'
kriminalità marbutin ma' razziżmu. Dan il-programm jara li jsaħħaħ
il-kapaċità ta' uffiċjali ta' infurzar tal-liġi, prosekuturi u
uffiċjali involuti f'servizzi ta' appoġġ għall-vittmi. Il-programm
joħloq ukoll kampanji li joħolqu kuxjenza u li jkun hem aċċess għal
ġustizzja lill-vittmi ta' razziżmu u kliem ta' mibgħeda. F'dan
il-programm qed isir bejn il-Kunsill tal-Minoritajiet Etniċi fl-Irlanda
ta' Fuq u l-Finlandja. Hemm seba' pajjiżi Ewropej f'dan il-proġett li
huma l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Greċja, l-Irlanda,
l-Italja u l-Olanda. Dan il-proġett hu kofinanzjat mill-Kummissjoni
Ewropea.
Ir-rapport tal-FRA jgħid li "fl-2015 aktar minn miljun
persuna fittxew kenn fl-Unjoni Ewropea, żieda ta' ħames darbiet iktar
mis-sena ta' qabel. Fir-Rapport tagħha dwar id-Drittijiet Fundamentali
tal- 2016, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) teżamina
l-iskala u n-natura tal-isfida u tipproponi miżuri biex jiġi żgurat li
d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati fl-Unjoni Ewropea kollha.
"Is-sena l-oħra, id-deċiżjoni favur id-drittijiet fundamentali
tal-Unjoni Ewropea kienet ittestjata bil-kbir, b'attakki fuq ħafna
mil-libertajiet, id-drittijiet u l-valuri li fuqhom hija bbażata
l-Ewropa," jgħid id-Direttur tal-FRA Michael O’Flaherty. "L-Unjoni
Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom iżommu sodi sabiex jiddefendu
d-drittijiet li għalihom kulħadd huwa intitolat, kemm jekk ilhom jgħixu
fl-Unjoni Ewropea għal ħafna ġenerazzjonijiet kif ukoll jekk għadhom kif
waslu fuq ix-xtut tal-Ewropa.”
Dan ir-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali annwali
jenfasizza l-isfidi u l-kisbiet fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet
dwar id-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea kollha. Ħafna
mill-kwistjonijiet koperti mir-rapport ta' din is-sena se jiġu diskussi
f'aktar dettal waqt il-Forum dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2016,
li se jiġi organizzat fl-20-23 ta' Ġunju fi Vjenna.
Intqal li b'60 miljun persuna spostata bil-forza
fid-dinja kollha, is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni hija mistennija li
tibqa' fil-quċċata tal-aġenda tal-UE. Il-maġġoranza tar-refuġjati li
ġejjin fl-Ewropa, li ħafna minnhom huma tfal, qed jirriskjaw ħajjithom
billi jħallsu lill-kuntrabandisti biex jaqsmu l-baħar fuq dgħajjes
iffullati wisq u li ma jifilħux għall-baħar.
Ġiet innutata żieda f'daqqa ta' inċidenti razzisti u
xenofobiċi f'ħafna Stati Membri, kawża ta' biża' minħabba s-sitwazzjoni
tal-migrazzjoni u għadd ta' attakki terroristiċi. Ir-rapport tal-FRA
isib li l-komunitajiet Musulmani u Lhud kienu partikolarment
affettwati.
L-attakki terroristiċi għal darb'oħra enfasizzaw
id-diffikultà biex jinstab il-bilanċ tajjeb bejn il-protezzjoni tad-data
personali u l-privatezza u ż-żamma tas-sigurtà interna. Numru ta' Stati
Membri tal-Unjoni Ewropea huma fil-proċess li jirriformaw il-qafas
tal-intelligence legali tagħhom, li jista' potenzjalment iżid is-setgħat
intrużivi tas-servizzi.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home