Wednesday, June 1, 2016

Serħan ir-ras għal min se jsiefer... dalwaqt fond f'każ li jfalli l-operatur

Victor Vella  |  19:38  |  31.05.2016
Mhux l-ewwel darba smajna b'każijiet, b'mod partikolari barra minn Malta, dwar persuni li jibbukkjaw vaganza u jispiċċaw f'battalji legali biex jieħdu flushom lura wara li l-operatur ifalli. Sitwazzjoni simili kellna wkoll f'pajjiżna. Quddiem dan, skont regolamenti tal-Unjoni Ewropea, suppost li fil-pajjiżi Ewropej għandu jkun hemm dak li jissejjaħ 'insolvency fund'.
Sa issa f'pajjiżna dan għadu mhux jopera. Biss il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, fil-Parlament ħabbar li hemm qbil mal-FATTA, li tirrappreżenta lil aġenziji turisti u dan il-fond għand jidħol fil-ġimgħat li ġejjin. Huwa qal li, “Ftehimt id-dettalji kollha mal-FATTA u għedtilhom li trid issir bilfors minħabba l-Unjoni Ewropea. Ikkoperaw u ħarġu b'soluzzjoni. Dan l-insolvency fund se jiddaħħal fil-ġimgħat li ġejjin.”
Il-Parlament illejla beda jiddiskuti l-estimi għall-Awtorità Nazzjonali għat-Turiżmu (MTA). Il-Ministru għat-Turiżmu enfasizza li, “Għaddejjin diskussjonijiet ma' tliet linji tal-ajru mill-Ewropa tal-punent biex jinfetħu rotot ġodda.” Qal li għaddejjin diskussjonijiet ma' linji li diġà qed joperaw lejn Malta biex ikun hemm żieda fir-rotot.
Saħaq li għas-sena 2016 mill-pronostiċi li qed isiru jidher li l-passiġġieri li se jkunu ġew f'Malta bil-vapuri tal-passiġġieri se jkunu jlaħħqu għal madwar 700,000 persuna.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-iżvilupp tal-prodott turistiku hu importati ħafna. "It-turiżmu ta' kwalità ma jistax jiġi f'pajjiżna jekk ma ntejbux il-prodott. Wasalna? Qed intejbuh, iva, imma fadlilna ħafna x'nagħmlu biex ikollna qabża fil-kwalità. Qed issir riforma biex fejn jirrigwarda it-turiżmu, l-MTA tkun 'one stop shop' fejn il-permessi jinġiebu kollha minn hemm u dak li jkun ma jkollux għalfejn joqgħod jiġri minn dipartiment għall-ieħor.
Mhux aċċettabbli fejn għandna każini tal-baned li huma ristornati u jospitaw it-turisti, però dawn huma liċenzjati mill-Kummissarju tal-Pulizija, qisu dan jaf xi standards turistiċi għandu jkun hemm,” qal il-Ministru Zammit Lewis.
Inċidenti serji f'Paceville jaffettwaw il-prodott turistiku - Claudio Grech
Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech fl-intervent tiegħu semma kif f'Paceville qed jiltaqgħu għadd kbir ta' nies minn kulturi u pajjiżi differenti u rrefera għal inċidenti serji li seħħew hemm fl-aħħar jiem. Hu qal li jemmen li l-inċidenti serji f'Paceville jaffettwaw il-prodott turistiku.
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home