Wednesday, June 1, 2016

'Missek tqum fil-Parlament u tiddikjara l-interess tiegħek... ilek xhur tagħmel ħsara lil Malta'


Quddiem il-kritika li saritlu għall-fatt li fid-diskors ta' introduzzjoni tiegħu fil-Parlament ma tkellimx dwar l-ekokontribuzzjoni ta' 50ċ għal kull lejl f'pajjiżna, il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, ikkritika b'qawwa lid-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo. Dwar l-ekokontribuzzjoni, il-Ministru Zammit Lewis qal li hemm mandat ta' inibizzjoni l-Qorti u qed jistennew minn ħin għal ieħor digriet fuqu.
Iħares fiss lejn id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo, il-Ministru Zammit Lewis qal li, "Ilek xhur għaddej, Onorevoli, biex twaqqaf din l-inizjattiva. Jien kollox jasalli. Messek tqum fil-Parlament u tiddikjara l-interess tiegħek għall-ħsara li qed tagħmel lill-pajjiż biex twaqqaf inizjattiva tajba li minnha se jiggwadanjaw l-operaturi. Nistennew li jinqata' l-mandat ta' inibizzjoni u nbaxxi rasi għad-deċiżjoni. Din se ttina €5 miljun fis-sena u dan biex nagħmlu proġetti importanti għal pajjiżna.”
"X'jagħmilna speċjali? Bini ġgantesk jew it-toroq dojoq ħelwin?” - Marlene Farrugia
Id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia qabblet il-prodott turistiku Malti mal-ħobża Maltija. Qalet li l-prodott tagħna rridu naraw kif nagħmlu biex ikun speċjali. “Bini ġgantesk u moderna li bħalu naraw mad-dinja kollha? Dan jagħmilna speċjali? Jew il-ħlewwa tat-toroq dojoq? Jagħmilna speċjali dak il-bini ċkejken li jsebbaħ l-ibliet u l-irħula. Dawn jagħmlu lil Malta l-attrazzjoni li hi,” qalet il-kelliema.
Żiedet tgħid li, “Inħeġġeġ lill-MTA biex tkun paladin biex tipproteġi l-prodott li għandna u biex iżżomm bilanċ bejn l-iżvilupp modern u dak eżistenti. L-appell tiegħi hu li nfittxu u nirriċerkaw kif noħorġu s-sbuħijiet ta' pajjiżna li sa issa mhux nisfruttaw biżżejjed. Fost dawn hemm l-ingredjent tal-ambjent naturali tagħna. Il-ftit li baqgħalna, f'dak li hu ambjent, hu importanti li jidħol fil-prodott turistiku.”
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home