Wednesday, June 1, 2016

Il-proġett ta' parkeġġ u bandli fuq is-saqaf f'Tas-Sliema kif propost mhux aċċessibbli

Waqt li l-proposta tal-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema biex fi ġnien u bandli li hemm fi Triq it-Torri jagħmel parkeġġ ta' diversi sulari taħt l-art, qed tkun kritikata minn għadd kbir ta' residenti, issa qed isir magħruf li l-proġett kif propost weħel mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità (KNPD). Dan minħabba għadd ta' nuqqasijiet fejn tidħol l-aċċessibilità.  Il-bandli li llum jista' jgawdihom kulħadd u li bil-proġett il-ġdid se jkunu fuq is-saqaf tal-parkeġġ, kif proposti mhumiex aċċessibbli.
Fost il-kritika li qed iqajjem dan il-proġett, hemm dak minn diversi studenti li kienu qed jaħdmu fuq proġetti biex joħorġu b'soluzzjonijiet dwar kif għandhom jonqsu l-karozzi.  "Jien li ma nistax nifhem hu kif aħna qed naħdmu biex insibu soluzzjonijiet biex jonqsu l-karozzi mit-toroq Maltin u l-kunsill lokali ta' Tas-Sliema joħroġ bi proġett ta' parkeġġ ta' diversi sulari taħt l-art".
Għadd ta' residenti ukoll qed jilmentaw bil-kbir, fejn dawn fakkru kif ftit snin ilu kienu saru oġġezzjonijiet għal parkeġġ li kien se jsir fi Qui-si-Sana.  Ir-residenti li qed jilmentaw qed isostnu li huma aktar spazji pubbliċi għandhom bżonn u mhux binjiet, parkeġġi u karozzi.  Huma esprimew id-diżapprovazzjoni tagħhom li dan l-ispazju pubbliku se jispiċċa jittieħed.
inewsmalta.com hu infurmat li l-proġett propost ma sabx l-approvazzjoni minħabba li l-bandli u l-apparat li kien se jintuża ma kinux aċċessibbli, waqt li anke l-kabina tal-lift ma kinitx skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità (KNPD). Kelliem għall-KNPD ikkonferma li l-proġett weħel mill-KNPD.
Ta' min jgħid li l-kunsill kien qal li ssottometta applikazzjoni mal-MEPA għal permess sabiex kun jista’ jibni parkeġġ taħt l-art li se jakkomoda madwar 180 karozza u fuq dan il-parkeġġ ser jerġa’ jinbena bandli bl-aktar faċilitajiet moderni, sabiex jitgawda mill-familji tal-lokalità.
Kien qal li dan il-parkeġġ, se jservi ukoll, biex matul ix-xhur tas-Sajf, titnaqqas ferm il-konġestjoni li tinħoloq fil-parkeġġ miftuħ li hemm bħalissa fiż-żona tal-Exiles, fejn saħansitra numru ta’ vetturi qed jiġu pparkjati fuq il-blat tal-bajja li tinsab taħt it-Torri.
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home