Friday, June 10, 2016

"Li tilqa' l-immigranti hu investiment ekonomiku" - Rapport internazzjonali minn Tent Foundation u OPEN

Fl-aħħar ġimgħat saru diversi dikjarazzjonijiet dwar il-benefiċċji li jieħu l-pajjiż minn immigranti li jkunu qed jaħdmu. Rajna kif il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali qal li ta' kull sena qed jitħallsu €100 miljun f'taxxa tad-dħul minn ħaddiema barranin f'Malta. Kien ġie spjegat li t-tkabbir ekonomiku li kellha Malta ma setax iseħħ mingħajr ħaddiema barranin. Dan sostnieh ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo. Issa qed isir magħruf li sar studju internazzjonali u li fih qed jintwera biċ-ċar is-sinifikat ekonomiku li jinġieb lejn il-pajjiż partikolari minn refġjati u immigranti.
    Ir-rapport sar minn Tent Foundation u minn Open Political Economy Network (OPEN). L-awtur tar-rapport, Philippe Legrain, qal li dan hu l-ewwel studju internazzjonali komprensiv dwar kif ir-refuġjati jistgħu jikkontribwixxu għall-ekonomiji.
    Legrain waqt li ppreżenta l-istudju qal li, "Ir-refuġjati ħafna drabi narawhom bħala piż. Dawn imma fir-realtà huma opportunità li għandha tintlaqa'. B'investiment adattat u b'politika maħsuba, refuġjati ta' ħiliet differenti għandhom ħafna x'jikkontribwixxu lejn l-ekonomija u s-settur pubbliku.”
    Ir-rapport analizza l-ħidma tal-immigranti f'diversi pajjiżi fosthom l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, l-Iżvezja u l-Ġermanja.
    Ir-rapport jgħid li, "Il-fatt li tilqa' l-immigranti mhux biss obbligazzjoni umanitarja u legali imma hu investiment li jista' jħalli gwadann ekonomiku sinifikanti.”
    Intant ta' min jgħid li l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) jistma li l-infiq tal-gvernijiet fuq immigranti u refuġjati fl-Ewropa se jitla' minn 0.08 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku fis-sena 2014 għal 0.19 fil-mija fis-sena 2016.
    Ir-rapport jgħid li ħafna refuġjati u immigranti jagħmlu xogħlijiet pjuttost perikolużi, jew xogħlijiet li n-nies tal-lokal iwarrbu bħal tindif ta' uffiċini u servizz ta' kura għall-anzjani.
    Ir-rapport jgħid li mingħajr l-immigrazzjoni l-ammont ta' persuni fl-età tax-xogħol meta mqabblin ma' dawk li huma irtirati fl-Unjoni Ewropea kienet se tinżel minn 3.5 fis-sena 2015 għal 2.5 fis-sena 2030.
    Ir-rapport qed iħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika biex jieqfu jikkonsidraw lir-refuġjati bħala piż. Jenfasizza li r-refuġjati huma opportunità. Ir-rapport jirrakkomanda li r-refuġjati għandhom jiġu rilokati f'żoni fejn hemm ix-xogħol u mhux f'żoni fejn hemm akkomodazzjoni bi prezz baxx. Ir-rapport jgħid li l-gvernijiet għandhom jinfurzaw liġijiet kontra d-diskriminazzjoni.
    Ritratt: Ian Noel Pace

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home