Ġonna fuq is-soqfa u mal-ħitan.....Malta għadha lura
"Jien frawli ma nixtrix fir-rebbiegħa. Inkabbarha jien. Għandi ruxxmata ħwawar, Nagħnieh, Merqtux u anke Klin. Anki basal, tewm u ħass inkabbar." Dawn ma jitkabbrux f'għelieqi imma fuq bejt ta' residenza. Tara kontenituri kbar mimlijin ħamrija maqtugħin minn fuq il-bejt permezz ta' kantuni tal-franka. Tħares lejn ħajt fil-ġenb u tarah miksi bil-liedna. Tħares minn fuq dan il-bejt u tara li fil-viċinanzi hemm familja oħra li għandha bejt iħaddar. Xeni pjuttost rari, minkejja l-potenzjal li joffru l-bjut biex fuqhom isiru l-ġonna jew jitkabbru l-pjanti. Ovvjament in-nuqqas ta' għarfien dwar dawn it-tip ta' ġonna f'Malta qed iwassal biex in-nies qed jispiċċaw jesperimentaw b'tankijiet u ħamrija tal-għelieqi, xi ħaġa li mhix ideali biex tintuża fuq bejt. Fl-aħħar xhur f'pajjiżna kienu qed isiru sforzi u anke saru rappreżentazzjonijiet lil entitajiet governattivi u anke kien hawn esperti Taljani. Meta tqis li kważi terz ta' Malta hi mibnija u meta tara ħitan fit-toroq għerja mill-ħdura, l-istess esperti jindikaw li f'Malta il-ġonna vertikali u fuq il-bjut jistgħu jsiru u jkunu suċċess. B'dan ikun hemm diversi vantaġġi, apparti li l-bliet tagħna jingħataw dehra aktar ħadra. Dan apparti l-potenzjal ta' impjiegi ġodda speċjalizzati f'dan is-settur. Quddiem din is-sitwazzjoni, fl-iskola sekondarja tal-Gżira sar proġett pilota fejn ħajt sħiħ tkabbar bi pjanti. Proġett li jiġbed l-għajn ta' kull min jidħol f'din l-iskola. Il-proġett sar kollu b'ħaddiema Maltin. Apparti dan, hemm ukoll proġett għaddej fl-Università ta' Malta fejn fuq is-saqaf ta' waħda mill-fakultajiet sar ġnien. Proġett li l-pubbliku inġenerali jista' jmur jarah faċilment. Waħda mill-problemi li hawn f'pajjiżna fuq dan is-settur hi li lanqas kien hawn standards nazzjonali fuq il-bini ta' dawn il-ġonna fuq is-soqfa. Kien propju ftit jiem ilu li dan sar. Lanqas hawn standards nazzjonali fuq ġonna vertikali. Jidher ukoll li fis-suq mhux se ssib il-materjal adattat biex tagħmel il-ġonna fuq il-bjut fi klima Mediterranja. Minkejja dan, m'humiex wieħed u tnejn li qed jesperimentaw fuq il-bjut tagħhom permezz ta' tankijiet u reċipjenti oħra. Jekk wieħed jagħmel riċerka fuq il-materjal li jintuża għal fuq il-bjut isib li dan mhux xi wieħed irħis u forsi mhux kulħadd għandu l-mezzi biex jinstalla dan. Imma f'pajjiżi barranin jiġu offruti għadd ta' inċentivi biex ikunu inkoraġġuti ġonna fuq il-bjut. Sa issa f'pajjiżna għad m'għandna xejn minn dan. Il-ġonna fuq is-soqfa... ebda kunflitt ma' pannelli Bla dubju ta' xejn li nuqqas ta' inizjattivi fejn jidħlu ġonna fuq is-soqfa u ġonna vertikali, hi l-ispiża konnessa ma' proġetti simili. Għalkemm kien hemm interess minn diversi kumpaniji u anke organizazzjonijiet biex iwettqu proġetti simili, fejn jidħlu bjut ta' residenti din it-teknoloġija ftit li xejn qed tintuża. Min għamel xi ħaġa simili, ipprefera juża reċipjenti li sab u ħamrija, fi kliem ieħor bla spiża ta' xejn. Apparti l-ispiża kapitali biex tagħmel ġnien fuq il-bejt, hemm imbagħad l-aspett tat-tisqija. Għal dawk ir-residenti li m'għandhomx bir, is-sajf twil u qalil f'Malta jirrikjedi tisqija regolari tal-pjanti fuq il-bejt. Ovvjament dan jista' jkun ostaklu ieħor jekk ir-residenza ma jkolliex bir. Problema li qed titqajjem ukoll hi dik ta' persuni li għandhom pannelli fuq il-bjut. Jgħidulek "imma jien nista' nagħmel ġnien meta għandi l-pannelli?" Hemm min jargumenta li ġnien fuq il-bejt meta hemm il-pannelli fotovoltajiċi, dan jispiċċa jnaqqas mill-effettività tagħhom. Filfatt dan mhux il-każ. Ġnien fuq il-bejt hu kumplimentari għall-istess pannelli. Mhux biss imma jgħin lill-istess pannelli fotovoltajiċi ikunu aktar effiċjenti. Ġejna infurmati li, "Hawn min jaħseb li ma jistax ikollok pannelli u ġnien fuq il-bejt fl-istess ħin. Din hi idea ħażina. Il-pannelli fotovoltajiċi nafu li l-effiċjenza tagħhom tonqos meta t-temperatura taqbeż it-28 grad. Issa meta inti jkollok ġnien fuq il-bejt, li jibda jossorbi s-sħana, dan ikun qed jgħin biex fix-xhur sħan tas-sajf inaqqas it-temperatura sħuna lill-pannelli u b'hekk jgħin biex jitnaqqas it-telf ta' effiċjenza. Dan apparti li jżommlok il-bejt frisk, u b'dan tiggwadanja billi jkollok inqas sħana fil-kmamar. Nafu li fejn għandek żoni mibnijin, il-ġebla tassorbi s-sħana u meta t-temperatura tinżel ftit bil-lejl, dik l-istess sħana terġa' tintefa' fl-arja u b'hekk togħla t-temperatura. Illum hawn riċerka li turi kemm soqfa fuq il-bjut għandhom il-kapaċità li jtaffu t-temperaturi għoljin fil-ibliet. Illum hu ppruvat kif bliet kbar ibatu mill-fenomenu ta' dak li jissejjaħ "urban heat island", fejn dan ifisser li t-temperaturi f'dawn l-ibliet minħabba l-bini ikunu ogħla mill-ambjent ta' barra l-belt." F'pajjiżna hawn min hu lest li jibda proġetti simili, basta jkun hemm imbuttatura u inkoraġġiment għal dawn it-tip ta' proġetti, fejn l-iskejjel u bini pubbliku qed jiġu indikati bħala postijiet li fihom jistgħu jsiru proġetti simili. Fl-istess proġetti simili mhux biss iħallu benefiċċji minħabba nuqqas ta' sħana iżda jistgħu jservu ukoll bħala għodda edukattiva. Dan għax jipprovdu spazju ġdid għall-istudenti u anke jattiraw lejhom ħlejjaq li llum biex tarahom trid tmur f'nofs il-kampanja. Ħitan fit-toroq jistgħu jintużaw għall-ġonna vertikali Fejn jidħlu l-ġonna vertikali, dawn interessati fi proġetti simili, jindikaw diversi ħitan għoljin fit-toroq Maltin u anki bini li magħhom jistgħu jsiru strutturi biex jixxebilku l-pjanti. Proġetti simili qed isiru f'għadd ta' pajjiżi Ewropej. Dan mhu biss jagħti dehra ħafna u ħafna isbaħ lill-ibliet tagħna, li tista' tgħid huma għerja għall-kollox mill-ħdura, imma jżid il-valur ta' dik il-proprjetà, inaqqas is-sħana u l-emissjonijiet. "Nittamaw li finalment naraw li dawn it-tip ta' proġetti jibdew jiċċaqilqu f'Malta. Ġew esperti barranin fosthom Taljani u raw li hawn potenzjal. Li jonqos hu nagħmlu klima tajba biex proġetti simili jaqbdu l-art", qalilna wieħed mill-esponenti interessat fi proġetti simili.
minn l-orizzont
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home