Sunday, June 5, 2016

Miżuri ġodda biex jitnaqqas it-traffiku f'Ħal Balzan, Ħ'Attard u Ħal Lija

Quddiem il-mod kif żdiedu l-karozzi li ta' kull filgħodu jgħaddu minn toroq prinċipali f'Ħal Lija, Ħal Balzan u Ħ'Attard, għadd ta' residenti f'dawn l-irħula fl-aħħar xhur kienu qed jilmentaw minn dak li huma sejħu bħala 'bypass' fit-toroq li jgħixu fihom. Dan hekk kif ċerti toroq residenzjali fil-qalba ta' dawn il-villaġġi  bdew jintużaw minn għadd kbir ta' sewwieqa biex jevitaw it-traffiku.
Fl-aħħar jiem f'xi żoni f'Ħ'Attard twaħħlu tabelli li huma mgħottijin, waqt li f'Ħal Balzan inbeda proċess ta' studju tat-traffiku li se jkun qed jipproponi diversi miżuri biex jintaqqas it-traffiku fosthom toroq  li minnhom il-karozzi jgħaddu f'direzzjoni waħda biss.
Meta stħarriġna fuq dan, ġejna infurmati li, "Il-problema kbira li għandna f'Ħal Balzan hija li għandek ammont ta' traffiku qawwi min-naħat ta' Ħ'Attard lejn Birkirkara u bil-kontra. Qed issir ukoll ħsara kbira lit-toroq minħabba n-numru enormi ta' trakkijiet tal-kostruzzjoni u kowċis bit-tfal tal-iskola li jgħaddu mit-toroq tagħna. Għal dan il-għan, is-Sindku, Dr Ian Spiteri, appunta lill-Viċi-Sindku, Andre' Grech, biex jagħmel studju dwar l-immaniġġjar tat-traffiku u qed ikun megħjun ukoll mill-kunsillier Daniel Muscat li huwa perit.
"L-iskop hu li permezz ta' dan l-istudju, jiġi ppjanat kif l-aħjar tista' tittaffa l-problema attwali tat-traffiku. Fost miżuri li qed jiġu kkunsidrati hemm li ċerti toroq isiru f'direzzjoni waħda biex hekk jiġi aġevolat it-traffiku f'dawk in-naħat. Qed ikun kunsidrat ukoll li l-parkeġġ ikun imqassam aħjar biex ikollu l-inqas impatt negattiv possibbli fuq it-traffiku. Qed ikunu kunsidrati wkoll  miżuri biex jitnaqqsu n-numri ta' inċidenti anke għax hemm toroq, bħal Triq il-Ferrovija l-Qadima, fejn ħafna jsuqu b'veloċità allarmanti.
"Wara li jitlesta l-istudju, issir konsultazzjoni mar-residenti dwar il-miżuri proposti u fl-aħħar nett jintbagħtu l-proposti lil Transport Malta għall-approvazzjoni u l-implimentazzjoni."
Intant għadd ta' sewwieqa f'kuntatt li għamlu magħna esprimew it-tħassib tagħhom għal tabelli li twaħħlu f'Ħ'Attard u li jinsabu mgħottijin sakemm ikun hemm l-approvazzjoni tagħhom.
Sewwieq mir-Rabat qalilna li, "It-traffiku qed jibda eżatt minn ħdejn it-terminus il-ġdid tal-karozzi tal-linja fir-Rabat. Ħadt kważi 10 minuti biex wasalt sa ħdejn il-fergħa tal-Bank of Valletta u ħames minuti sakemm wasalna ħdejn ir-rawndebawt miżbugħa fi Triq it-Tiġrija taħt is-Saqqajja. Ġbidt lejn Ħ'Attard billi għaddejt minn Ta' Qali. Domt 15-il minuta mwaħħal  fit-triq li tinżel minn ħdejn is-supermarket li hemm sa ħdejn ir-residenza tal-Ambaxxatriċi Amerikana.
"Triq li s-soltu tieħu 40 minuta biex tasal, fl-aħħar jiem kienet qed teħodli siegħa u ħames minuti. Inħsadt meta rajt it-tabelli mgħottijin li twaħħlu f'Ħ'Attard. Jekk dawk it-toroq se jsiru f'direzzjoni waħda biss, se jkun ifisser li t-traffiku kollu mir-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imtarfa u postijiet oħra se jkollujgħaddi minn Triq l-Imdina f'Ħ'Attard.  Bħalissa t-traffiku ġieli jkun ferm 'il fuq mill-Isptar Monte Carmeli. Nibża' li jekk dawn it-toroq se jsiru f'direzzjoni waħda se jkun hemm konġestjoni kbira ta' traffiku f'żoni oħra," qalilna l-istess sewwieq.
 
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home