Friday, June 10, 2016



"Ħu din il-karta ta' ħames dinari... lejn il-Libja aktar ma nersaqx"

Abbord il-bastimenti ta' salvataġġ f'nofs il-Mediterran, l-istejjer umani tal-immigranti jibqgħu jissorprendu lil dawk abbord. Min bin-numru ta' qraba tiegħu miktub fuq il-flokk f'każ li jegħreq, oħrajn bi stejjer ta' qraba li tilfu fil-vjaġġ. Stejjer ta' torturi u stupri huma xi ħaġa li tismagħha kontinwament. Imma kultant l-istess immigranti jagħmlu ġesti mhux daqstant komuni.
    Spikka l-ġest ta' Ali li wara li ġie invistat mit-tabib abbord il-bastiment Argos, dan dar lejh u qallu, "Ħu din il-karta ta' ħames dinari. Jien qatt mhu se nużaha. Jien qatt mhu se nmur lura lejn il-Libja".
    Ta' min jgħid li lbieraħ filgħodu kien hemm żewġ operazzjonijiet ta' salvataġġ fir-rotta taċ-ċentru tal-Mediterran. Minn informazzjoni li għandna jidher li ġew salvati madwar 250 immigrant. Dawn kienu qed jivvjaġġaw b'żewġ dinghies. s-salvataġġ twettaq mill-bastiment Argos ta' Medecins Sans Frontieres. Il-MOAS wettqet ukoll l-ewwel salvataġġ u salvat 126 persuna.
    Dominique Luypaers, qabla abbord il-bastiment Argos, titkellem dwar l-esperjenzi tagħha ma' immigranti nisa tqal u tgħid li mill-ewwel investigazzjonijiet li tagħmel fuqhom tkun trid tisma' tħabbat il-qalb tat-tarbija.
    Dwar l-aħħar salvataġġi tgħid li, "Bħal f'salvataġġi oħra kien hemm xi ftit nisa li kellhom bejn sitta u seba' xhur tqala. Dawn imma qatt ma kienu marru għand tabib jew għand xi speċjalista biex ikunu jistgħu jisimgħu l-qalb tat-tarbija tħabbat għall-ewwel darba. Smajt ħafna fuq għarqiet. Smajna ħafna fuq nies li ma rnexxielhomx jaslu. Meta nsalvaw in-nies intuhom l-ikel, mediċini u x'jixorbu. Dan għalija hu mument ta' ferħ kbir."
    Tgħid li, "Dawn huma nies li qed jaħarbu minn gwerer u persekuzzjoni. Hemm minnhom spiċċaw torturati u f'detenzjoni. Kien hemm mara qaltli li binha miet fil-Libja ftit ġimgħat qabel għamlet il-vjaġġ bil-baħar. Ikunu sfurzati jaqbdu r-rotta bil-baħar mil-Libja. Din m'għandhiex tkun aċċettata. Għandu jkun hemm passaġġ sigur. Nisimgħu b'għarqiet ta' mijiet ta' nies. Dan hu inaċċettabbli. In-nisa tqal huma nies vulnerabbli. Mhux aċċettabli li dawn in-nisa ma jkollhom ebda għażla ħlief il-vjaġġ bil-baħar."
     minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home