Tuesday, July 19, 2016

Aktar imwiet ta' immigranti fid-Deżert tas-Sahara milli fil-Baħar Mediterran?

    Aktarx li d-Deżert tas-Saħara, li minnu jgħaddu l-immigranti Afrikani fi triqithom lejn il-Libja, qed iħalli aktar vittmi milli jħalli l-Baħar Mediterran. Skont rapport imħejji minn 4mi, affiljata tal-Kunsill tar-Refuġjati fid-Danimarka, intqal li hemm testimonjanzi li qed juru ċar u tond li l-imwiet fid-deżert huma akbar minn dawk fil-Mediterran.

    Ir-rapport jgħid li "migranti u refuġjati minn pajjiżi li jinsabu l-isfel mid-deżert tas-Sahara, meta jaslu l-Libja, l-Eġittu jew fl-Ewropa, jindikaw l-imwiet ta' persuni fid-deżert. Biss sa issa m'hemmx informazzjoni speċifika dwar dan" jgħid ir-rapport.

    F'dan ir-rapport, li sar minn 4mi, ġew intervistati xejn inqas minn 1,300 immigrant bejn is-sena 2014 u s-sena 2016. Dawn taw informazzjoni fuq xejn inqas minn 1,245 imwiet ta' persuni li kienu qed jivvjaġġaw lejn il-Libja u l-Eġittu mis-Sudan.

    Ir-rapport jgħid li "l-ammont żgħir ta' immigranti li ġew intervistati juri li l-ammont ta' 1,245 mewt hu wieħed konservattiv.

    Jintqal li dan l-ammont jista' juri li hemm imwiet li qed isemmuhom aktar minn persuna waħda, iżda jgħid ukoll li wieħed jista' jassumi li l-immigranti li jmutu qabel jaslu l-Eġittu jew il-Libja hu akbar minn dawk li jmutu fil-Mediterran.

    Dan l-istħarriġ hu l-ewwel attentat biex jiġbor informazzjoni dwar dawn l-imwiet. L-aktar kawżi ta' mwiet fid-deżert huma mard, nuqqas ta' aċċess għall-mediċini, nuqqas kbir ta' ikel u ilma, abbużi sesswali u anke qtil.

    F'intervisti li kellu inewsmalta.com ma' migranti xhur ilu, dawn kienu rrakkontaw it-theddid li għaddew minnu fid-Deżert tas-Sahara u anke l-katavri li kienu raw.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home