Fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena... 60% aktar imwiet ta' immigranti fil-Mediterran
Hekk kif kompliet il-mewġa ta' vjaġġi ta' immigranti mill-Afrika ta' Fuq lejn l-Ewropa, qed jirriżulta li bejn l-1 ta' Jannar u l-aħħar ta' Ġunju l-imwiet ta' immigranti fil-vjaġġ tagħhom lejn l-Ewropa telgħu għal xejn inqas minn 2,920 persuna. Dan ifisser kważi 60 fil-mija aktar mill-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Ta' min jgħid li fl-aħħar salvataġġ, omm mill-Kamerun
welldet fuq bastiment navali Ġermaniż. F'rapport dettaljat li nħareġ
mill-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) intqal li
minn Jannar sas-6 ta' Lulju kien hemm xejn inqas minn 230,885 immigrant
li waslu fl-Ewropa bil-baħar. Waqt li l-imwiet ta' immigranti kienu ta'
2,920 persuna, fl-istess perjodu s-sena li għaddiet kienu mietu 1,838
persuna.
Mill-ġbir ta' informazzjoni rriżulta li l-akbar ammont
ta' immigranti telqu mil-Libja u wara mill-Eġittu. Il-parti l-kbira
tas-salvataġġi seħħew fil-fliegu ta' Sqallija fejn fil-parti l-kbira
tal-każi l-immigranti salvati ddaħħlu f'portijiet Sqallin fosthom dak
ta' Katanja, Augusta, Porto Empedocle, Pozzallo u Palermo. Kien hemm xi
immigranti li ddaħħlu f'Lampedusa, Calabria, u Apulia f'Taranto.
Fl-ewwel sitt xhur kien hemm 70,978 immigrant li waslu
fl-Italja, bl-imwiet ikunu ta' 2,499 persuna. Fil-Greċja waslu 158,527
persuna bl-imiwiet ikunu ta' 376 persuna. Kien hemm 28 immigrant li
waslu f'Ċipru, waqt li 1,352 immigrant daħlu fi Spanja. L-immigranti li
mietu fuq ir-rotta lejn Spanja kienu 45 persuna.
F'dawk li huma nazzjonalitajiet tal-immigranti li waslu
fl-Italja, naraw li sal-aħħar ta' Mejju kien hemm 6,076 mill-Eritrea,
5,967 persuna min-Niġerja, 2,529 immigrant mis-Somalja u 2,653 immigrant
mis-Sudan. Fil-każ ta' dawk li daħlu l-Greċja, naraw li kien hemm
78,122 li kienu mis-Sirja, 40,394 immigrant mill-Afganistan u 25,372
immigrant mill-Iraq.
Ritratt: Ian Noel Pace
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home