'Xokkanti' id-dehra ta' ħmieġ f'żoni f'Buġibba... fil-parti l-kbira responsabbiltà tal-kunsill li jinġabar
Bit-temperaturi issa jibdew jogħlew sew u bir-residenti jiżdiedu, is-sitwazzjoni f'Buġibba u San Pawl il-Baħar fejn jirrigwarda skart fit-toroq jidher li qed tmur għall-agħar.
Kemm Maltin kif ukoll turisti qed jilmentaw bil-kbir
minn toroq u żoni li għal xi raġuni jew oħra qed jitħallew b'ammont kbir
ta' skart fihom, fejn it-tort qed jintefa' fuq residenti li jiddeċiedu
li joħorġu l-iskart wara li jkunu għadda is-servizz tal-ġbir.
Apparti dan, hemm toroq u żoni li minn jum għal jum
tibqa' tara fihom skart goff - ibda minn apparat li jsaħħan l-ilma, sa
tojlits, saqqijiet, settijiet tat-televixin u apparat ieħor.
Fl-aħħar jiem ukoll, id-Direttorat għat-Tindif ukoll
ikkummenta dwar dan u xandar ritratt ta' toroq bi kwantità ta' skart
fihom. Huma ddeskrivew is-sitwazzjoni bħala xokkanti.
Meta għamilna kuntatt ma' Ramon Deguara mid-Direttorat
għat-Tindif, qalilna li, "Nagħmilha ċara li aħna m'għandniex x'naqsmu
mat-tindif ta' toroq f'Buġibba. Dik hi responsabbilità tal-Kunsill.
Lesti li nżidu ż-żoni li nnaddfu aħna f'din iż-żona turistika imma żgur
li jrid ikollna aktar riżorsi biex nagħmlu dan."
Kompla jgħid li, "Nista' ngħid li għamilna proposta biex iż-żona li nieħdu ħsieb tikber ħafna aktar."
Enfasizza li, "Aħna responsabbli mit-tindif
tal-promenade, tat-terminus tal-karozzi tal-linja u Triq it-Turisti.
Billejl aħna anke qed naħslu l-promenade. Fiż-żoni l-oħra l-kunsill hu
responsabbli. Hemm kuntrattur li jiġbor l-iskart. Issa l-kunsill irid
jieħu ħsieb. Aħna bħala direttorat qed nagħtu servizz żejjed
lill-kunsill billi nnaddfu ċerti żoni."
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home