Fabbrika tal-inbid fis-Siġġiewi approvata minkejja li case officer irrakkomanda rifjut
Proposta għall-iżvilupp ta' fabbrika tal-inbid b'kobor ta' 900 metru kwadru f'Bur il-Kbir fis-Siġġiewi, eżattament taħt is-Salib tal-Għolja, minkejja li kien rakkomandat mill-uffiċjal li ħadem fuq il-proposta biex tkun rifjutata, spiċċat ġiet approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Fost ir-raġunijiet għar-rifjut rakkomandat kien hemm li l-fabbrika tal-inbid taqbeż il-kobor stabbilit tal-politika rurali fejn hemmhekk jingħad li din għandha tkun ta' kobor ta' mhux aktar minn 200 metru kwadru. L-uffiċjal li ħadem fuq il-każ qal li din il-proposta lanqas għandha tkun kunsidrata sakemm żvilupp illegali fiha ikun sanzjonat jew jitneħħa, u dan abbażi tal-avviż legali 514 tas-sena 2010. L-iżvilupp illegali jikkonsisti f'pergola tal-injam u pixxina.
Irid jingħad li l-Bord tal-Kummissjoni għall-Ippjanar fl-Ambjent impona fuq is-sid tal-iżvilupp li jitħawlu tliet siġriet tal-għargħar u biex ikun hemm donazzjoni ta' mitt siġra indiġena biex jitħawlu f'postijiet pubbliċi.
Dwar din l-applikazzjoni inewsmalta.com kien xandar rapport ftit ġimgħat ilu, fejn dakinhar residenti Siġġiewin kienu esprimew l-oġġezzjonijiet tagħhom.
"Jien ma nistax nifhem kif fir-regolamenti tal-MEPA dwar fabbriki tal-inbid hemm regoli ċari u li jgħidulek li fabbrika simili ma tistax tkun akbar minn 200 metru kwadru. Issa hawnhekk, f'nofs l-għelieqi u f'żona mill-isbaħ, iridu jagħmlu fabbrika tal-inbid b'kantina ta' 900 metru kwadru u binja ta' żewġ sulari. Għalija dan hu żvilupp inaċċettabbli," kien qalilna resident mis-Siġġiewi li spjegalna li l-kwistjoni tqajmet ma' membri tal-Kunsill Lokali.
Minn stħarriġ li għamel inewsmalta.com jirriżulta li snin ilu kien hemm applikazzjoni għal fabbrika tal-inbid fl-istess żona fejn din kienet qed tipproponi li l-parti ta' taħt l-art tkun ta' kobor ta' 400 metru kwadru. Bl-applikazzjoni l-ġdida din il-parti taħt l-art qed tintalab li tikber b'aktar mid-doppju għal 900 metru kwadru. Sorsi li tkellmu ma' inewsmalta.com qalu li, "Ir-regolamenti tal-MEPA qed jitkellmu ċar u tond li fabbrika tal-inbid ma tistax tkun akbar minn 200 metru kwadru f'dak li hu bini fuq l-art. Issa din l-applikazzjoni qed tipproponi kantina ta' kobor enormi u dan għax ir-regolamenti tal-MEPA ma jagħmlux restrizzjonijiet fuq il-kobor tal-kantina. Nemmen li l-kantina għandha tkun tal-istess kobor permess 'l fuq mill-art."
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home