"Veritas mar jara l-qrabatu u miet
fuq tal-linja…ħalla vojt kbir f'Ħal Safi
Sa ftit tal-ġimgħat ilu kien qal lil xi nies li kien se jitlaq. Kien anke qed juri lill-ħaddiema oħra kif jagħmlu x-xogħol li hu kien jagħmel mill-qalb. Dejjem kienet il-ħolma tiegħu li jmur jara lil qrabatu fil-Għana. Veritas qata' din ix-xewqa ftit jiem ilu, meta irritorna lura lejn il-Ghana biex jiltaqa' ma' pajjiżu. Id-destin iżda ried li din ix-xewqa ma sseħħx. Dan għax Veritas, miet aktarx b'attakk tal-qalb waqt li kien fuq tal-linja fil-vjaġġ lejn il-villaġġ fejn tgħix il-familja tiegħu.
L-aħbar tal-mewt tiegħu ħasdet lill-komunità ta' Ħal Safi fejn hu kien jaħdem mal-kunsill. Resident qalilna li "hawn tista' tgħid li kulħadd kien jafu. Kont tarah inaddaf u jagħmel xogħlu kif suppost. Jiċċajta u jkellem lil kulħadd. Ma tgħaddix minn ħdejh li ma jsellimlekx. Kien sar wieħed minnha. Il-mewt tiegħu se tħalli vojt kbir fil-komunità ta' Ħal Safi."
Is-Sindku ta' Ħal Safi, Johann Mula meta mitlub jikkummenta dwaru qalilna li "Veritas, għamel dawn l-aħħar snin jaħdem fir-raħal tagħna. Nista' ngħidlek li kien maħbub ħafna mir-residenti. Apparti li xogħlu kien jagħmlu tajjeb ħafna, ir-resident kienu verament kuntenti bih. Kien dħuli mmens. Jitkellem u jiċċajta ma' kulħadd. Il-mewt tiegħu ħasdet lir-raħal kollu. Ir-residenti huma ddispjaċuti għall-mewt tiegħu."
Residenti li tkellimna magħhom jirrakkontaw esperjenzi differenti. Min qalilna li kienu jsejħulu 'waju waju'. Oħrajn qalulna li kellu qalbu tad-deheb u kien dejjem lest biex jgħin lil oħrajn. Ma kien jiddejjaq xejn jieqaf minn xogħlu biex jgħin lil xi ħadd.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home