Thursday, July 7, 2016

Il-Kartuna r-Roża...stħarriġ biex terġa' tiddaħħal għad-dijabetiċi

Il-kwistjoni tat-tneħħija tal-Kartuna r-Roża għall-persuni dijabetiċi, liema miżura kienet ittieħdet fis-sena 2012 u li permezz tagħha għadd ta' persuni diabetiċi tilfu għadd kbir ta' benefiċċji, issa qed tkun mistħarrġa mill-ġdid. L-ORIZZONT hu infurmat li għaddej stħarriġ bejn il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali flimkien mal-Ministeru għas-Saħħa  bl-għan li terġa' tiġi introdotta l-Kartuna r-Roża għal persuni dijabetiċi.  Dwar din il-kwistjoni, id-Deputat Laburista Silvio Parnis, kien għaddej b'kampanja u anke tkellem fil-Parlament, bl-għan li persuni dijabetiċi jerġgħu jingħataw il-Kartuna r-Roża.

    Il-ġurnal L-ORIZZONT kompla jsegwi din il-kwistjoni, fejn wara kuntatt mal-Ministeru għas-Saħħa, dawn qalulna li għaddejja ħidma dwar din il-kwistjoni. Enfasizzaw li "l-Ministeru għas-Saħħa hu konxju illi wara tibdil fil-regolamenti dwar il-Kartuna r-Roża għal persuni li jbatu bid-dijabete li kien sar fis-sena 2012, numru ta' pazjenti ntlaqtu ħażin. Il-Ministeru qiegħed jieħu diversi passi biex jirrimedja. Dawn huma li qiegħed jiżdied l-aċċess għall-antibijotiċi, 'cream' u gareż flimkien ma' mediċini tad-dijabete għal dawk il-persuni li għandhom il-Kartuna s-Safra. Il-Ministeru qiegħed f'diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali biex jistħarreġ kif jista' jerġa jintroduċi l-Kartuna r-Roża għall-persuni dijabetiċi."

    F'kummenti li kien ta' lil L-ORIZZONT, id-Deputat Laburista Silvio Parnis kien qalilna li "bdejt din il-kampanja fuq il-Kartuna r-Roża. Bdejtha fil-Parlament u se nibqa' niġġieled sakemm dan id-dritt tal-pazjent inġibuh lura. Dan hu dritt li qed jinsteraq lill-pazjent. Nemmen li sakemm dan id-dritt hu hemm, dan għandu jgawdi minnu l-pazjent. Qed nitlob xi ħaġa sempliċi. Li  min kellu Kartuna Roża sa qabel is-sena 2012, tintbgħatilhom ċirkolari biex huma jiddeċiedu jekk iridu jinqalbu fuq il-Kartuna s-Safra. Il-fatt li qed imorru l-isptar u jsibu li nqalbu minn fuq il-Kartuna r-Roża għal fuq il-Kartuna s-Safra ifisser li qed jitilfu diversi benefiċċji fosthom fuq it-telefon."

    Fost il-benefiċċji li tilfu dawn il-pazjenti b'deċiżjoni tas-sena 2012 kien hemm dak li l-pilloli Metformin inqalbulhom fuq il-Kartuna s-Safra. Qed  iqumu ħafna ilmenti għax qed jingħad li dan ifisser li jekk issa dawn il-pazjenti  jkollhom bżonn 'hearing aide' iridu jħallsuh huma bi spiża ta' madwar 500, dentaturi l-istess, waqt li jiġu affettwati servizzi ta' telecare u benefiċċji fuq kera tas-servizz tat-telefon?Silvio Parnis kien qalilna  li dawk il-persuni li kellhom Kartuna Roża sa minn qabel is-sena 2012 u kienu dijabetiċi, kellhom dritt li jibqgħu jġeddu l-Kartuna r-Roża. Hu talab lill-Ministru jara li kull min kellu l-Kartuna r-Roża għax huwa dijabetiku jiġi kkuntattjat u terġa’ tinħareġ din il-Kartuna r-Roża.?Talab ukoll lill-Ministru jieħu azzjoni dwar mijiet ta’ nies li qalbulhom il-pilloli minn fuq il-Kartuna r-Roża għal fuq il-Kartuna Safra kontra r-rieda tagħhom u b’hekk tilfu ħafna drittijiet li kellhom. Dan minkejja li fit-tweġiba li kellu mill-Ministru kienet tgħid li permezz ta’ Avviż Legali fl-2012 id-Diabetes Mellitus Type 1 u Type 2, flimkien mat-Tuberkolożi, il-Poljo u l-Lebbra tneħħew minn fuq l-Iskeda II (Il-Kartuna r-Roża) u żdiedu mal-Lista tal-Kundizzjonjiet Kroniċi li jaqgħu taħt l-Iskema V (Il-Kartuna s-Safra).?Fl-2012 il-pazjenti li kienu jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete ngħataw l-għażla jekk jaqilbux għall-Kartuna s-Safra jew jibqgħux fuq il-Kartuna r-Roża. Il-kelliem qal li għaldaqstant, minkejja l-ispjega ċara tal-ministru, mhux hekk qed jiġri.

    Hu talab laqgħa urġenti mal-Ministru għas-Saħħa. Dan biex dawk li kellhom il-Kartuna Roża qabel is-sena 2012 għax kienu dijabetiċi u ġiet imneħħija kontra r-rieda tal-pazjenti jiġu avviċinati biex terġa' tingħata lura din il-Kartuna Roża bi dritt permezz tal-Avviż Legali tas-sena 2012.
    minn inewsmalta.com

 

 

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home