L-għaqdiet tal-Marsa bi pjani għal mafkar f'ġieħ Anton Cassar
Hekk kif illum Anton Cassar, wieħed mill-pijunieri fil-qasam tal-ġurnaliżmu Malti, jagħlaq sentejn mill-mewt tiegħu, l-għaqdiet tal-Marsa qed jaħsbu biex isir mafkar ta' tifkira għal dan il-personaġġ li ismu hu marbut mal-Marsa u l-ħidma f'dan il-lokal.
Skont tagħrif li waslilna, hemm xewqa fost l-għaqdiet u
anke membri tal-kunsill lokali biex isir mafkar għal Cassar. Sa issa
iżda għad mhux magħruf taħt liema forma se jkun dan il-mafkar.
Anton Cassar kien l-ewwel editur tal-ġurnal 'l-orizzont'.
Meta miet hu kellu 90 sena. Is-Sur Cassar, kif baqgħu jirreferu għalih
l-impjegati tal-Union Print fejn qatta' tant snin jaħdem, twieled
il-Marsa fit-18 ta' Frar 1924. Studja fis-Seminarju ta' Għawdex u ta'
Malta. Fit-Tieni Gwerra Dinjija serva fl-11th H.A.A. Regt., R.M.A.
Bejn l-1946 u l-1960 kien ġurnalista ma' 'Il-Berqa'. Wara,
bħala ġurnalista tal-GWU, kien l-ewwel editur ta' 'l-orizzont'. Fl-1963
sar Kap tal-Pubblikazzjonijiet tal-Union Press u fl-1967 sar Segretarju
Amministrattiv tal-istess kumpanija, liema kariga dam jokkupa sal-1988.
Anton Cassar ingħata l-Medalja għall-Qadi tar-Repubblika
fl-1993 u l-Gold Award għall-Ġurnaliżmu sitt snin wara. Huwa kien membru
fundatur tal-Banda Trinità Qaddisa tal-Marsa,
li tagħha kien President mill-1957. Kien ukoll attiv ħafna f'għadd ta'
għaqdiet soċjali, kulturali u politiċi.
Is-Sur Cassar ippubblika diversi kotba, fosthom 'Il-Għanja
taż-Żgħożija', 'Meta l-Għawdxin Kienu Mxewxa', 'Ir-Russi Jitkellmu
bil-Fjuri', 'Il-Gwerra Ċivili ta' Spanja', 'Il-Compact', 'Il-Konkordat',
'Il-Ballata tal-Marsa' u aktar riċenti l-awtobijografija 'Ħajti – Mhux
Kollha Ward u Żahar'.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home