L-Air Malta...konsegwenza imminenti tal-Brexit hi r-rata tal-kambju
• Fost dawk li bdew jitħassbu dwar l-ewwel effetti tad-deċiżjoni li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea kienu aġenti turistiċi f'pajjiżna, fejn kienu diversi dawk li bdew jargumetaw dwar l-effetti li jista' jkun hemm b'din id-deċiżjoni fuq il-linja nazzjonali ta' l-ajru Air Malta.
F'kummenti lil inewsmalta.com, l-Air Malta qaltilna li "konsegwenza imminenti hi r-rata tal-kambju bejn l-iSterlina u l-Ewro. Peress li r-Renju Unit hu l-akbar suq tal-Air Malta b'aktar minn 10 fil-mija tad-dħul kollu marbut mal-iSterlina, dan se jħalli impatt dirett finanzjarju negattiv fuq il-kumpanija jekk ir-rati li kien hemm filgħodu jibqgħu kif inhuma bħalissa."
L-Air Malta qaltilna ukoll li "impatt aktar fit-tul hu fuq kif din id-deċiżjoni se taffettwa l-ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea dwar l-avjazzjoni. Għadu kmieni wisq biex wieħed janalizza dan fid-dettal għax jiddependi fuq diversi xenarji li jistgħu jseħħu. Dawn ċertament se jibdew jiġu diskussi fix-xhur li ġejjin fosthom jekk ir-Renju Unit hux se jibqa' jagħmel parti mis-suq liberalizzat tal-avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Deċiżjoni bħal din tista' tfisser li kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea jkollu jinnegozja ftehim bilaterali individwali magħruf bħala Air Services Agreement mar-Renju Unit. Dan it-tip ta' ftehim jirregola l-avjazzjoni għall-pajjiżi li m'humiex membri tal-Unjoni Ewropea. Dan jista' jkun proċess kumplikat ħafna."
L-Air Malta qaltilna ukoll li "għażla oħra hi li l-Unjoni Ewropea tinnegozja għan-nom ta' kull stat membru mar-Renju Unit bi ftehim bħal li għandna man-Norveġja, l-Iżlanda u Leichtenstein, magħruf bħala EFA jew dak mal-iSvizzera magħruf bħala EFTA. Jista' jkun ukoll li r-Renju Unit jiftiehem mal-Unjoni Ewropea li jibqa' jagħmel parti mis-suq liberalizzat tal-avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant sakemm ikun aktar ċar x'deċiżjonijiet se jittieħdu f'dan ir-rigward, għadu kmieni wisq biex wieħed jikkummenta fid-dettal dwar dan l-impatt".
Ritratt (Arkivji): Ian Noel Pace
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home