Saturday, June 25, 2016

Il-bidu tat-tmiem ta' l-unjoni politika imsejħa Unjoni Ewropea
       - Sharon Ellul Bonici

L-Ewrorealista Sharon Ellul Bonici fl-ewwel kummenti tagħha qaltilna li "l-ewwelnett din kienet deċiżjoni sovrana tal-poplu Brittaniku. Dawn għandhom kull dritt li jipproteġu l-interessi nazzjonali tagħhom.
"It-tieni nett għandna naraw dan bħal meta aħna ma konniex membri fl-Unjoni Ewropea.  F'dak iż-żmien, Malta bħala pajjiż kellha relazzjoni impekkabbli mar-Renju Unit.  It-turisti Brittaniċi kienu jfittxu lil Malta bħala destinazzjoni turistika u ħafna minn dawk li kienu jżuruna kienu jerġgħu jiġu.
"Aħna pajjiż tal-Commonwealth u storikament ir-rabtiet tagħna mar-Renju Unit imorru lil hinn mill-Unjoni Ewropea. Ir-Renju Unit xorta jrid li jibqa' jbiegħ il-prodotti tiegħu lilna u aħna xorta għad irridu nixtru minn hemm.  Ninsab żgura li l-Unjoni Ewropea se toffri l-istess tip ta' ftehim li għandhom man-Norveġja, l-Isvizzera u l-Iżlanda."

Tenniet li "l-Unjoni Ewropea ma kinitx qed tisma' l-karbiet tal-poplu u kienet qed tinjora ċertu kriżijiet bħal dik tal-immigrazzjoni. Din kienet xi ħaġa li qed tinħass mill-klassi tal-ħaddiema u mhux mill-politiċi. Dawn il-qasmiet issa kissru l-istatus quo. Fi żmien qasir se naraw pajjiżi oħra li se jsegwu l-istess triq tar-Renju Unit.
"Dan hu bidu ġdid u dan hu l-bidu tat-tmiem ta' unjoni politika. Issa hu żmien li jkollna Ewropa bi gvernijiet li jkunu jmexxu huma u jikkoperaw b'mod ħieles. Dawn ikollhom il-liġijiet tagħhom u r-regolamenti skont iż-żmien u l-bżonn. Issa hu ż-żmien fejn il-kapijiet tal-Istati Ewropej jisimgħu il-karbiet tan-nies. Ejjew ma nibqgħux minn dak li riedu n-nies imma naċċettaw li d-demokrazija tkellmet".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home