Saturday, June 25, 2016

Villaġġ li baqa' fantażma...nefqu kważi nofs miljun ewro
  
•    Forsi mhux kulħadd għadu jiftakar il-pompa li bih kien tħabbar u tnieda il-proġett ta' Corporate Village fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista. Forsi lanqas għadkom tiftakru id-disinni elaborati li kienu thejjew għal dan il-proġett, li dwaru kien intqal ħafna kliem sabiħ. Proġett li baqa' fantażma.
Imma minkejja dan il-Gvern Nazzjonalista nefaq kważi €500,000 f'konsulenzi u ħidma relatata ma' dan il-proġett li kellu jsir fl-Imrieħel.

Id-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis staqsa dwar x'sar minn dan il-proġett, bil-Ministru Chris Cardona jgħid li "x-xogħol preparatorju fuq il-Corporate Village beda fis-sena 2008, meta Alan Camilleri, dak iż-żmien Ċermen tal-Malta Industrial Parks, qabbad lil Deloitte u lill- Architectural Projects Ltd sabiex jibdew iħejju stimi finanzjarji u kunċett ta’ żvilupp għal Corporate Village."

Kompla jgħid li "matul is-sena 2010, ġiet ippublikata espressjoni ta' interess għal iżvilupp tal-Corporate Village, li għaliha kien hemm disa' sottomissjonijiet. Kien f’Mejju tas-sena 2012 li ntbagħtet talba għall-proposti lil kull waħda minn dawn is-sottomissjonijiet. Għalkemm din is-sejħa damet aktar minn tlett xhur miftuħa, kien hemm sottomissjoni waħda biss, li eventwalment ġie deċiż li ma kinitx konformi mat-termini speċifikati".

Qal ukoll li "minħabba n-nuqqas ta’ interess li rriżulta, saħansitra biex jiġi żviluppat dan il-Corporate Village, ma sarx aktar xogħol fuq dan il-proġett. Ta’ min jgħid, li din il-kampanja, bejn konsulenzi varji u kampanja promozzjonali, swiet mhux inqas minn €425,000." Fi tweġiba oħra, l-Ministru Cardona qal li "fis-sena 2010 saret it-tnedija tal-kampanja promozzjonali marbuta mal-Corporate Village, li kienet tinkludi numru ta’ attivitajiet promozzjonali f'Milan u Londra. Minbarra numru ta’ pubblikazzjonijiet, preżentazzjonijiet u saħansitra websajt dedikata għal dan il-proġett, saret ukoll promozzjoni permezz tar-rappreżentanza tal-korporazzjoni f’diversi pajjiżi, li kienu jinkludu l-Ingilterra, Germanja, Libja, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Istati Uniti.
Din il-promozzjoni kienet primarjament iffukata sabiex tħajjar operaturi jidħlu għall-iżvilupp tal-Corporate Village iktar milli biex tattira investiment barrani. Għalkemm intefqu mhux inqas minn €84,000 għal din il-kampanja promozzjonali, l-għan tagħha baqa' ma ntlaħaqx. Dan għax la ġew attirati operaturi li konkretament kienu nteressati jiżviluppaw dan il-proġett, wisq inqas biex jibdew joperaw mill-Corporate Village."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home