Air Malta: 'Nisfidah jippubblika l-pariri tiegħu u aħna mbagħad nippubblikaw tagħna'
- il-Ministru Edward Zammit Lewis
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li dawn kienu tliet snin fejn il-Gvern ma beżgħax jieħu d-deċiżjonijiet. Qal li dan il-Gvern ħa deċiżjonijiet anke iebsin, xi ħaġa li turi l-ġenwinità tiegħu. “Sar ħafna xogħol tajjeb. Ammettajna fejn żbaljajna. Mexxejna l-affarijiet għal benefiċċju tal-poplu Malti” qal il-Ministru Edward Zammit Lewis.
Zammit Lewsi qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busittil jikkritika biss. Qal li L-Partit Laburista għandu għall-qalbu lil Air Malta, li kien waqqafha biex taqdi skop soċjali. Il-kelliem qal li l-Air Malta ilha titlef flus sa mill-2003. Qal li għal din is-sitwazzjoni, il-Partit Nazzjonalista ma għamel xejn. Imbagħad il-Partit Nazzjonalista għamel pjan ta' azzjoni bejn l-2010 u l-2011 mal-Unjoni Ewropea. Qal li l-PN għamel pjan ta' azzjoni għal ħames snin, daħħal ħafna konsulenzi.
“Issa ġimgħa ilu l-Kap tal-Oppożizzjoni ried isolvi l-problema billi jagħti x-shares lill-ħaddiema. Jien tkellimt mal-Prim Ministru, li min-naħa tiegħu dejjem jgħid fuq l-Air Malta irridu nġibu l-aktar deal tajjeb” qal il-Ministru Edward Zammit Lewis. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis qal li lbieraħ ħarġet fuq gazzetta bl-Ingliż li l-Gvern għandu żewġ pariri, li dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax isir minħabba l-fatt li l-kumpanija ilha tagħmel telf għal snin twal. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis serraħ moħħ il-ħaddiema li dawn l-affarijiet ma humiex se jsiru.
Aktar qabel: Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis sfida lil-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex jippubblika l-pariri li għandu biex ishma tal-Air Malta jinbiegħu lill-pubbliku.
F’kummenti li għadda lit-TORĊA, il-Ministru Zammit Lewis qal li wara l-Kap tal-Oppożizzjoni jagħmel dan, il-Gvern imbagħad jippubblika ż-żewġ pariri li għandu. Huwa enfasizza li, “Il-Kap tal-Oppożizjoni tkellem b’mod opportunistiku politikament. Għal lum il-ġurnata dak li qiegħed jgħid hu mhuwiex vijabbli. Għandna Kap tal-Oppożizzjoni maħkum minn opportuniżmu politiku li juża l-ħaddiema tal-Air Malta biex jgħid affarijiet li seta’ jagħmilhom il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern.” Ta’ min jgħid li l-proposta ta’ Busuttil, wasslet ukoll għal reazzjoni minn diversi kumpaniji involuti fis-servizzi finanzjarji u awdituri. L-istess kumpaniji qegħdin jgħidu li fiċ-ċirkostanzi ma jagħmel ebda sens li toħroġ ishma għall-pubbliku għax m’hemmx dak li huma jsejħulu ‘business case’. Dan minħabba l-istat finanzjarju tal-kumpanija. Awditur partikolari qalilna li, "Hu fatt li ma jistgħux jinħarġu ishma għall-pubbliku għax biex dan isir hemm bżonn li jkun hemm profitt reġistrat għal tliet snin infila." Kumpanija oħra ddikjarat li, "Mill-kontijiet tal-Air Malta għas-sena 2015 jirriżulta li hemm toqba ta' €60 miljun. Biex ir-regolatur iħallik toħroġ fis-suq għall-pubbliku trid tgħidlu kif se tagħlaq din it-toqba." L-istess rappreżentanti ta' kumpaniji meta tkellmu ma' l-ORIZZONT, spjegaw li hemm differenza totali bejn li jinġab sieħeb strateġiku kif jidher li hi l-mira tal-Gvern u l-fatt li jinħarġu ishma għall-pubbliku. Bi sħab strateġiku se ddaħħal tmexxija u ideat ġodda, u b'ishma għall-pubbliku se ddaħħal biss flus u kollox jieqaf hemm. Sid ta' kumpanija ewlenija qalilna li, "Tajjeb li ddaħħal il-pubbliku, imma fil-mument u fiċ-ċirkostanzi tal-Air Malta din tista' ssir? Hemm proċeduri rigorużi u għandi dubji kemm tista' ssir. U liema huma dawk il-kumpaniji u stock brokers li se jidħlu għal dan il-proċess fl-istat li hi l-Air Malta?. Min se jinvesti f'xi ħaġa li fl-immedjat ma jidhirx li se tagħmel qliegħ?" Intant, il-Ministeru għat-Turiżmu qal li huwa tal-opinjoni li l-aħjar triq li tista’ taqbad l-Air Malta hija dik li twassal għal sħubija strateġika ma’ airline jew familja ta airlines oħra. “Din l-isħubija tagħti vantaġġi ta’ network, ta’ aktar saħħa, ta’ negozjar f dak li għandu x'jaqsam ix-xiri kollu li tagħmel il-linja tal-arju u titjib fis-sistemi li tuża l-kumpanija, grażżi għal qsim ta' informazzjoni li jsir bejn il-linji tal-ajru li li jkunu sħab. Min naħa l-oħra, bejgħ ta ishma lill-pubbliku ma jagħtu xejn ħlief injezzjoni ta flus fil-kumpanija. Ħaġa li minnha nfisha mhux ħazina, pero li ma tagħtikx 'economies of scale', ma tgħinx lill-kumpanija tikber u lanqas tnaqqas l-ispejjeż. Fi kliem ieħor il-flus injettati ma jgħinux biex il-mudell ta' negozju jitjieb.”
Qal ukoll li, “hemm il-problema li dak li qed jipproponi il-Partit Nazzjonalista fil-prattika diffiċli biex ma ngħidx impossibli li jseħħ għax ma nista’ nimmaġina l-ebda stock exchange li ser jillistja l-ishma ta' kumpanija li għandha storja ta’ telf ta miljuni ta’ Ewro għal snin twal. Din il proposta hija waħda irresponsabbli u mhux fattibbli.”
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home