'Nisfida lil Owen Bonniċi biex jekk temmen
fil-ġustizzja jressaq il-private members bill għad-diskussjoni
- Simon Busuttil
Il-każ ta' Emanuel Camilleri, li allegatament għamel kważi 400 ġurnata l-ħabs għalxejn ukoll kien trattat minn Simon Busuttil. Il-Kap Nazzjonalista iddikjara li "l-Ministru Owen Bonniċi hu l-Ministru tal-Inġustizzja u mhux il-Ministru tal-Ġustizzja. Nisfida lil Owen bonniċi li jekk verament temmen fil-ġustizzja, ressaq il-private members bill li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Parlament biex din l-inġustizzja titħassar darba għal dejjem."
Dwar dan il-każ inewsmalta.com u L-ORIZZONT ġabu diversi artikli fosthom kummenti minn rappreċentanti ta' għaqdiet li jaħdmu mill-qrib mal-ħabsin. Għamilna ukoll kuntatt mal-familjari ta' Camilleri fejn irrispettajna x-xewqa tagħhom li fil-mument minħabba proċeduri fil-Qorti jkun aktar opportun li ma jixxandrux kummenti. Minn dak li qalulna stajna naraw il-weġgħat li għaddejja minnhom din il-familja. inewsmalta.com kienet talbet il-kummenti tal-Ministru Owen Bonniċi fejn dan kien qalilna li "waqt li l-Gvern japprezza d-delikatezza tal-każ u l-interess pubbliku dwaru, jirriżulta illi dwar dan il-każ hemm proċeduri pendenti quddiem il-Prim' Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) li qegħdin għas-sentenza. Għalhekk huwa indikat li wieħed juża kawtela sabiex ma jkunx hemm pressjonijiet indebiti fuq il-Qorti. Il-Qrati għandhom jitħallew fil-libertà li jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom fil-libertà, fl-għerf tagħhom."
Ta' min jgħid li għadd ta' xhur ilu, l-avukat tar-raġel kien instab ħati li abbuża minn bintu imma nħeles mill-ħabs wara li bintu ammettiet li gidbet fuqu, saħaq li mhux sew li kawżi relatati ma’ abbużi sesswali jinstemgħu quddiem maġistrat wieħed. Dr Tonio Azzopardi kien irrimarka dan quddiem l-Imħallef Joseph R. Micallef meta saru s-sottomissjonijiet finali dwar il-kawża kostituzzjonali li Emanuel Camilleri fetaħ kontra l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ispettur Louise Calleja li investigat l-allegat abbuż tiegħu fuq bintu. Emanuel Camilleri f'ittra li kiteb lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u li hu poġġa fil-Parlamenta qal kif hu kiteb lill-Ministru Owen Bonnici iżda baqa' bla ebda tip ta' risposta mingħandu minkejja li għaddew diversi xhur. Fl-ittra hu jistaqsi meta verament se jieħu ħajtu lura.
Jason Azzopardi qal li, "Din hi inġustizzja. X'sens jagħmel li tiġi kommessa inġustizzja f'isem il-ġustizzja? Din hi l-agħar forma ta' inġustizzja. Dan għamel kważi 400 jum il-ħabs allegatament għalxejn. Fuq il-kondotta tiegħu għadu jinstab ħati b'peofelija. Xtaq ikun voluntier fuq attività tal-Community Chest Fund u dan ma setax jagħmlu. Kif juri l-kondotta u peress li għadu misjub ħati ta' pedofelija jgħidulu ibqa' l-bogħod, tersaqx 'l hawn. Lil dawn ma ttihomx tort għax hemm sentenza li nstab ħati ta' pedofelija u s-sentenza ma ġietx ikkanċellata."
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home