Friday, June 17, 2016

'Ma rridx inkun numru fil-Parlament... nitlob li min kellu l-kartuna r-roża terġa' tinħariġlu'
         - Silvio Parnis

"Ma rridx inkun numru fil-Parlament.” Dan iddikjarah id-Deputat Laburista Silvio Parnis fl-aġġornament fil-Parlament fejn talab li min kellu l-Kartuna r-Roża għax hu dijabetiku terġa' tinħariġlu.
Hu tkellem dwar dak li qed jiġri fuq il-Kartuna r-Roża għal dawk li kellhom il-Kartuna Roċa qabel is-sena 2012. Dawn il-persuni li kienu dijabetiċi qabel is-sena 2012 u kellhom il-Kartuna Roża kellhom dritt li jibqgħu jġeddu l-Kartuna r-Roża. Hu talab lill-Ministru jara li kull min kellu l-Kartuna r-Roża għax huwa dijabetiku jiġi kkuntattjat u terġa’ tinħareġ din il-Kartuna r-Roża.
Talab ukoll lill-Ministru jieħu azzjoni dwar mijiet ta’ nies li qalbulhom il-pilloli minn fuq il-Kartuna r-Roża għal fuq il-Kartuna Safra kontra r-rieda tagħhom u b’ hekk tilfu ħafna drittijiet li kellhom. Dan minkejja li fit-tweġiba li kellu mill-Ministru kienet tgħid li permezz ta’ Avviż Legali fl-2012 id-Diabetes Mellitus Type 1 u Type 2, flimkien mat-Tuberkolożi, il-Poljo u l-Lebbra tneħħew minn fuq l-Iskeda II (Il-Kartuna r-Roża) u żdiedu mal-Lista tal-Kundizzjonjiet Kroniċi li jaqgħu taħt l-Iskema V (Il-Kartuna s-Safra).
Fl-2012 il-pazjenti li kienu jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete ngħataw l-għażla jekk jaqilbux għall-Kartuna s-Safra jew jibqgħux fuq il-Kartuna r-Roza. Il-kelliem qal li għaldaqstant, minkejja l-ispjega ċara tal-ministru, mhux hekk qed jiġri. Hu talab laqgħa urġenti mal-Ministru għas-Saħħa. Dan biex dawk li kellhom il-Kartuna Roża qabel 2012 għax kienu dijabetiċi u ġiet imneħħija kontra r-rieda tal-pazjenti jiġu avviċinati biex terġa' tingħata lura din il-Kartuna Roża bi dritt permezz tal-Avviż Legali tas-sena 2012.
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home