Mhux se jsiru mirakli u mhux se neliminaw l-għargħar, imma nikkontrollawh'
- il-Ministru Joe Mizzi
Dwar il-proġett tal-għargħar li sar madwar Malta, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi iddikjara li dan il-proġett mhux se jelimina l-għargħar f'diversi partijiet madwar Malta iżda sar biex jikkontrolla l-għargħar.
Meta mistoqsi fil-Parlament, il-Ministru Mizzi qal li, "Il-proġett tal-għargħar, li jikkonsisti f'mini, kien inbeda minn gvern preċedenti. Dan iżda kien waqa' lura u kien hemm riskju li jintilfu xi fondi. Impenjajna ruħna mal-kuntratturi biex ix-xogħlijiet jitħaffu. F'dan il-proġett kien hemm ħafna intoppi speċjalment minħabba li xi drabi beda jiskula d-drenaġġ. Issa dan il-proġett hu komplut u qed jaħdem. Mit-testijiet li saru jidher li l-għargħar se jonqos drastikament. Għamilna tim biex kontinwament jitnaddfu l-mini. Għandna inġenji ukoll biex dan isir. Mhux se jsiru l-mirakli u mhux se jeliminaw l-għargħar imma jikkontrollaw l-għargħar."
Legali jew le li ilma tax-xita jintefa' fid-drenaġġ?
Bid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina jistaqsi għal darba darbtejn jekk hux legali jew le li ilma tax-xita jintefa' fis-sistema tad-drenaġġ, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi qal li, "Mhux se kun prużuntuż u ninterpreta xi liġi.” Huwa enfasizza li, "Jien nifhimha li l-ilma ma titfgħux fid-drenaġġ u trid issalvah. Jien nemmen li l-ilma hu riżors importanti u għandu jkun preservat."
Toni Bezzina staqsa dan wara li l-Ministru Mizzi, waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet Parlamentari, qal li kien hemm problemi b'xogħlijiet fuq ċerti proġetti għax instab li kien hemm ilma tax-xita li kien qed imur fid-drenaġġ. Dwar proġett biex jitnaqqas l-ilma tax-xita f'Ħal Lija, il-Ministru Mizzi qal li, "Jien naf x'jiġifieri f'dik it-triq. Jien kont spiċċajt ġo sprall u din mhux tad-daħk. Meta bdew jitħaffru l-mini f'Ħal Lija, id-drenaġġ beda jinfiltra fil-mini u kellna naraw kif se nsolvuha. Tkellimna mal-Korporazzjoni tal-Ilma (WSC) u dawk jgħidulek iva iva. Fl-aħħar il-WSC aċċettat li tagħmel ix-xogħlijiet tad-drenaġġ. Waqt li bdew jinqalgħu l-katusi tad-drenaġġ instab li kien hemm servizzi oħra fosthom cables tat-telefon. Kellhom jibdew jagħmlu biċċa biċċa tat-triq biex isalvaw il-cables. Wara li lestejna dik il-parti, id-drenaġġ li kien joħroġ meta tagħmel ix-xita, naqas."
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home