71 titjira sigrieta tas-CIA... f'erba' snin tmienja jieqfu f'Malta
Il-kwistjoni dwar it-titjiriet sigrieti mis-Central Intelligence Agency Amerikana (CIA) lejn l-Ewropa fuq missjonijiet magħrufa bħala 'extraordinary rendition', fejn f'erba' snin kienu saru 71 titjira li tmienja minnhom waqfu f'Malta, tqajmet fil-Parlament Ewropew. Fil-fatt f'votazzjoni li ttieħdet, il-Parlament Ewropew esprima t-tħassib serju tiegħu għall-apatija li qed tintwera minn stati membri Ewropej u istituzzjonijiet Ewropej biex jirrokonoxxu vjolazzjonijiet ta' drittijiet umani fundamentali f'dawn it-titjriiet. F'dawn it-titjiriet sigrieti, persuni li jkunu suspettati li huma terroristi jinħatfu, ħafna drabi bil-moħbi, u mbagħad jintbagħtu baxx baxx lejn destinazzjonijiet sigrieti b'allegazzjonijiet li dawn jispiċċaw suġġetti għal investigazzjonijiet fejn allegatament anke tintuża t-tortura.Din ir-riżoluzzjoni li għaddiet mill-Parlament Ewropew ma torbotx, imma tħeġġeġ li ssir investigazzjonijiet fuq dan il-ksur ta' drittijiet umani u biex dawk responsabbli għal dan jitressqu quddiem il-ġustizzja. Ir-riżoluzzjoni għaddiet bi 329 vot favur u 299 kontra waqt li kien hemm 49 astensjoni. Il-Parlament wera wkoll it-tħassib tiegħu għall-fatt li għaddiet aktar minn sena mindu nħareġ studju mis-Senat tal-Istati Uniti dwar dawn it-titjiriet u sal-lum ħadd ma nżamm responsabbli.
Il-Parlament Ewropew qal li l-Gvern tal-Istati Uniti mhux qed jikkopera ma' Stati membri tal-Unjoni Ewropea dwar dawn it-titjiriet. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill qed jintalbu jirrappurtaw lura lill-Parlament fuq l-investigazzjonijiet li saru fl-Istati membri. Dan irid isir sa Ġunju ta' din is-sena.
inewsmalta ilu jsegwi l-kwistjoni tat-titjiriet sigrieti sa mill-bidu li ġiet żvelata. Kien irriżulta li bejn Awwissu tas-sena 2001 u Ottubru tas-sena 2005 kien hemm mill-inqas 71 titjira sigrieta mis-CIA lejn l-Ewropa fuq missjonijiet magħrufa bħala 'extraordinary rendition'. Minn dawn it-titjiriet tmienja kienu waqfu f'Malta. Din l-informazzjoni kienet inħarġet minn lista miġbura mid-Deputat tal-Partit tal-Ħodor Awstrijakk, Peter Pilz.
L-ewwel titjira mmarkata Malta hi dik li kienet seħħet bejn is-6 u s-7 ta' Diċembru tas-sena 2003, fejn skont il-lista Pilz, bdiet mill-bażi tar-Royal Airforce f'Northolt l-Ingilterra, waqfet Malta u baqgħet sejra lejn Tripli. It-titjira saret permezz ta' ajruplan Boeing 737-7ET bin-numru N313P reġistrat fuq il-kumpanija Premier Executive Transport Services. L-istess ajruplan reġa' waqaf Malta fl-10 ta' Diċembru tal-istess sena.
Fl-2004 kien hemm erba’ titjiriet li waqfu Malta. L-ewwel waħda kienet fil-31 ta’ Marzu, b’ajruplan Hercules L-100-30, bin-numru N8213G, irreġistrat fuq il-kumpanija Prescott Support Company. Titjira oħra saret bejn is-17 u t-18 ta’ Mejju, fejn ajruplan irreġistrat fuq il-kumpanija Devon Holding & Leasing Co, bin-numru N196D, tal-għamla Casa 235, telaq minn Halifax għal Newfoundland, Keflavik, Edinburgh, Frankfurt, Malta, Amman u temm il-vjaġġ tiegħu f’Kabul. Fil-25 t’ Awwissu u d-19 t’Ottubru kien hemm titjiriet oħra li waqfu Malta; id-darbtejn b’ajruplani rreġistrati fuq il-kumpanija Prescott Support.
Fl-2005, fis-17 ta’ Mejju, ajruplan Casa 235, bin-numru ta’ reġistrazzjoni N187D, irreġistrat fuq il-kumpanija Devon Holding & Leasing Inc., niżel Malta, kif reġa’ għamel fit-12 t’Awiwssu ta’ l-istess sena.
Kienet l-Italja l-ewwel li kixfet dawn l-operazzjonijiet sigrieti tas-CIA. Imħallfin Taljani ħarġu mandat ta’ arrest għal 22 persuna li allegatament kienu funzjonarji tas-CIA. Il-mandat ħareġ wara li dawn il-persuni jingħad li kienu involuti fil-ħtif ta’ kleriku musulman minn Milan fl-2003 u ħaduh il-Kajr b’ajruplan Gulfstream IV rreġistrat fuq il-kumpanija Richmor Aviation. L-ajruplan kien proprjetà ta’ Philip H Morsi, wieħed mill-propjetarji tal-Boston Red Sox, li kien stqarr mal-ġurnal The Boston Globe li l-arma tat-tim kienet mgħottija meta s-CIA krew l-ajruplan mingħandu.
Prosekutur Ġermaniż ukoll fetaħ inkjesta biex tinvestiga jekk ajruplani tas-CIA kinux niżlu fuq territorju Ġermaniż biex jieħdu l-fjuwil. Osama Moustafa Hassan Nasr kien inħataf mit-toroq ta’ Milan fis-17 ta’ Frar 2003 u ttajjar lejn il-bażi tal-ajru ta’ Ramstein fil-Ġermanja – meqjusa bħala territorju Amerikan – u minn hemm ittajjar lejn l-Eġittu, fejn allegatament kien ittorturat ripetutament.
Każ simili kien dak ta’ Saad Iqbal Madni, ta’ 24 sena, li fid-9 ta’ Jannar 2002 kien inħataf minn Ħakarta minn uffiċjali Indoneżjani, u ntbaghat permezz ta’ ajruplan Gulfstream lejnil-Kajr, b’waqfiet fl-Iskozja għall-fjuwil u Washington. Wara li nżamm maqful għal sentejn sħaħ, huwa ttieħed lejn il-ħabs Amerikan ta’ Guantanamo, fejn huwa allega li kien ittorturat ripetutament permezz ta’ xokkijiet tal-elettriku m’għarkopptejh.
Ta' min jgħid li l-gvern Malti kien iddikjara mal-Kunsill ta’ l-Ewropa li la kellu għarfien u lanqas involviment f’dawn it-titjiriet. Il-Ministeru għall-Affarijeit Barranin fis-sena 2006 kien qal li kien qed jitlob lill-gvern Ingliż jgħaddilu kull informazzjoni li għandu dwar dawn it-titjiriet.
MINN L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home