Malta għadha bla politika ta'
integrazzjoni
- il-Professur Frances Camilleri Cassar
Il-Professur Frances Camilleri Cassar mill-Fakultà tal-Liġi f'simpożju dwar l-immigrazzjoni, iddikjarat id-diversi nuqqasijiet li jeżistu fil-liġi b'mod partikolari dwar in-nisa immigranti u qalet bla tlaqlieq li "Malta għadha bla politika ta' integrazzjoni". Hi staqsiet kemm il-gvernijiet u dawk li jfasslu l-politika iltaqgħu u tkellmu ma' immigranti nisa biex jisimgħu bil-problemi li qed jiffaċċjaw. Hi qalet li dawn in-nisa immigranti huma inviżibbli fis-soċjetà Maltija u huma emarġinati.
Hi irreferiet ukoll għal dak li qal il-Papa Franġisku li kull knisja jew kunvent jadotta familja ta' refuġjati u staqsiet x'għamlet jew x'qed tagħmel il-Knisja Maltija dwar dan l-appell.
Minn naħa tiegħu l-Arċisqof Charles J Scicluna fl-indirizz tiegħu fis-simposju, li kien dwar l-immigranti imma imma fih ma kienx hemm immigrant wieħed, saħaq li bil-ħitan li qed jittellgħu fl-Ewropa qed jinħoloq stil ġdid ta’ apartheid.
"Mhux aħjar neħilsu
minnhom"
Tkun fl-emerġenza. Ippakkjata bin-nies. F'xi ħin minnhom jidħlu grupp ta' Afrikani. Dawk li kienu qed jistennew bdew jaraw li xi wħud minn dawn bdew jinqdew qabel dawk li kien hemm. Dak li segwa wara kien ħafna tgergir minn dawk preżenti. Wieħed jista' jimmaġina x'beda jingħad. Lil hinn minn dan imma spikkat id-dikjarazzjoni li għamlet ir-receptionist. Waqt li intervjeniet u indirizzat lil dawk li kienu qed igergru qaltilhom li "mhux aħjar neħilsu minnhom".
Din l-esperjenza stqarritha il-Professur Donia Baldacchino, waqt preżentazzjoni li għamlet f'simpożju intitolat 'Ħniena lejn l-immigranti - it-teoloġija u s-soċjetà fi djalogu". Fil-preżentazzjoni tagħha, l-Professur Baldacchino qalet li hawn it-tendenza li għalkemm il-Maltin jissimpatizzaw hekk kif jisimgħu b'wasla ta' immigranti f'Malta, dawn għal xi raġuni jew oħra jibqgħu distakkati minn din ir-realtà. Hi spjegat li minn riċerka li saret f'Malta l-attitudni negattiva ta' xi professjonisti fil-qasam tas-saħħa u anke ta' ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, wasslet biex il-qasam tas-saħħa jispiċċa inaċċessibbli għal ħafna immigranti. Hi qalet li kliem bħal 'morru lura lejn id-dar' jaffettwaw b'mod negattiv ħafna lill-istess immigranti. Spjegat ukoll li l-fatt li meta jiddaħħlu immigranti f'Malta wieħed jara persuni b'maskli u ingwanti, il-messaġġ li jkun qed jitwassal hu dak li qisu dawn għandhom xi mard jittieħed.
L-appoġġ għal nisa tqal Afrikani
hemm bżonn jiżdied
Quddiem il-fatt li qed ikun hemm għadd ta' nisa Afrikani li jwelldu f'pajjiżna, fi studju li sar mid-Dipartiment tal-Ġinekoloġija u li tqassam fis-simpożju ħareġ li hemm bżonn li jkun hemm aktar appoġġ għal nisa Afrikani li jkunu welldu f'Malta. Jissemma' kif dawn il-persuni ġejjin minn kulturi differenti, bi drawwiet għal kollox differenti u li għalhekk hemm bżonn lingi gwida u aktar appoġġ għal dawn in-nisa.
Fl-istudju jissemma' kif is-servizz tas-saħħa f'Malta irrisponda għal dawn l-isfidi billi jipprovdi kura adekwata u appoġġ soċjali.
L-istudju juri li hemm bżonn li l-professjonisti Maltin ikunu aġġornati fuq l-attitudnijiet ta' minn fejn ikunu ġejjin dawn in-nisa Afrikani u dan biex tkun żviluppata stateġija aħjar għall-kommunikazzjoni ma' dawn in-nisa. Jisħqu fuq il-bżonn li jkun hemm linji gwida speċifiċi fuq strateġiji li jagħtu pariri lil dawn l-istess nisa, u il-proċeduri b'mod partikolari għall-interpreti.
Mill-istudju joħroġ li n-nisa Afrikani li jkunu waslu f'pajjiżna b'mod partikolari mill-pajjiżi sub sahara għandhom it-tendenza li jwelldu trabi li jkunu ħafna iżgħar fil-piż u għalhekk b'riskju akbar ta' imwiet.
Jirriżulta ukoll li l-fertilità tan-nisa Afrikani hi ferm ogħla minn dik tan-nisa Maltin. Bir-rata f'Malta hi ta' 1.5 wild għal kull mara, għan-nisa mis-Sudan din hi ta' 4.72, Eritrea 5.08, Nigeria 5.49, Mawritanja 6, Chad 6.25, Niger 7, Etjopja 5, Somalia 7, waqt li t-Tuneżija hi ta' 1.74.
Immigranta tqila rabtulha idejha
u ppretendew li titla' minn wara ta' trakk
'Qabel ħarġuna mid-detenzjoni, ħaduna l-isptar biex nieħdu X Ray. Jien kont tqila u s-suldati rabtuli idejja. Dan sar lil tlett nisa oħra. Imbagħad riedu li aħna nitilgħu fuq trakk militari minn naħa ta' wara. Jien avviċinajt lis-suldati nisa li kien hemm u għedtilhom li ma nistax nitla' fuq it-trakk b'idejja marbutin u tqila. Ħallewli idejja biex inkun nista' nitla".
Din hi waħda minn esperejenzi li ġew rakkontati fi studju li sar minn Marika Podda Connor dwar l-effetti tad-detenzjoni fuq l-immigranti. L-istudju saru fost għadd ta' Eritreani u Etjopjani f'Malta u wera l-effett psikoloġiku li l-migrazzjoni u d-detenzjoni iħallu fuq l-istess immigranti.
'Fid-detenzjoni ġieli xtaqt
immut'
Immigrant ieħor li għamel diversi xhur f'detenzjoni irrakkonta li "jien sofrejt b'diversi modi fid-detenzjoni. Kont ninkwieta għax kont naħseb ħafna. Kien ikolli problemi fl-istonku. Kont inħossni għajjien għalkemm ma kont nagħmel xejn. Kien ikolli nuqqas ta' aptit u l-ikel li kienu jtuna kien aktar jikkawżali problemi fl-istonku. Il-fatt li kont maqbul kont inħossni m'iniex tajjeb. Xi drabi xtaqt li nmur. Il-ħsibijiet fuq tad-dar u l-familja li ħallejt warajja, kienu qawwijin ħafna".
Nittamaw li l-edukazzjoni ma tkunx l-ispazju
li fih jegħrqu l-immigranti b'nuqqas ta' azzjoni
- Dr. Colin Calleja
Dr. Colin Calleja, lettur dwar l-inklużjoni fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-intervent dwar studju interessanti li għamel dwar is-sistema edukattiva, irrefera għall-għarqiet tal-immigranti fil-Mediterran u qal li jispera li s-sistema edukattiva tagħna ma tkunx l-ispazju li fih imutu it-tfal tal-immigranti.
Hu spjega kemm hu importanti li l-iskejjel jinfetħu beraħ għall-ġenituri immigranti. Spjega li għadd ta' studji qegħdin juru kemm hu importanti li t-tfal tal-immigranti jiġu mgħallmin bil-lingwa tagħhom. Spjega li studji barranin urew li dan fih ħafna benefiċċju fi tfal żgħar. Saħaq li hemm bżonn li nivvalorizzaw il-lingwi ta' min fejn ikunu ġejjin l-immigranti.
Mit-tgħanniqa, għall-innoċenza tat-tfal,
razziżmu…..u x-xbiha ta' Kristu
Waqt l-istess simpożju kien hemm wirja ta' arti minn seba' studenti tal-Fakultà tal-Arti. Esebizzjoni li fiha dawn l-istudenti trattaw diversi temi. Tispikka pittura kbira b'tifel iswed li jidher sew u ieħor abjad li ma tantx jidher. Ma tantx jidher imma minħabba ilma li jibda jitfa' lejh it-tifel l-ieħor. Xena li turi li hemm ċertu affinità bejniethom. Turi li t-tfal ma jagħmlux differenza bejn il-kulur. Tifli sew din il-pittura u tara li t-tifel abjad qed joffri warda lit-tifel l-ieħor.
Imbagħad hemm pitturi oħra ta' Puliżija jgħannaq tifel iswed li hi dwar kampanja li kienet saret fir-Renju Unit, pittura oħra b'id ta' bniedem abjad tgħin id ta' persuna b'ġilda sewda. Hemm ukoll skultura żgħira b'diversi idejn fuq xulxin. L-id il-kbira qed tipproteġi lil dawk iżgħar.
F'nofs is-sala imbagħad issib pittura b'wiċċ. Jekk tifliha sew tara li nofs il-wiċċ jirrappreżenta immigrant li tilef lil ibnu fil-vjaġġ bil-baħar, u n-nofs l-ieħor irrappreżenta lil Kristu. Prattikament din turi li fl-immigranti nistgħu naraw wiċċ Kristu.
Hemm imbagħad il-pittura intitolata 'Anġlu fil-Ġenna". Titratta l-aħħar ritratt li rajna ta' ħaddiema f'operazzjoni ta' salvataġġ iġorr tarbija mejta. "Din ix-xena baqgħet f'moħħi", qalet Sharon Mc Lean lil L-ORIZZONT. L-istudenti li ħadu sehem f'din il-wirja, fejn il-flus li se jinġabru mill-pitturi mibjguħin se jmorru għas-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati (JRS), huma Abigail Attard, Nicolai Curmi, Cristina Formosa, Lara Gove, Sharon Mc Lean, Gabriella Mifsud u John Paul Muscat.
Bil-ħitan li qed jinbnew fl-Ewropa għall-
immigranti qed jinħoloq apartheid ġdid
- L-Arċisqof Charles J. Scicluna
L-Arċisqof, Charles J. Scicluna waqt li indirizza s-simpożju saħaq li bil-ħitan li qed jittellgħu fl-Ewropa qed jinħoloq stil ġdid ta’ apartheid. L-Arċisqof qal li wieħed għandu jerġa' lura mill-idea li wieħed għandu jibni l-ħitan biex pajjiż jew stat iħossu iktar sigur.
L-Arċisqof irrefera għall-Eżortazzjoni Apostolika tal-Papa Franġisku, Evangelii Gaudium (Il-Ferħ tal-Evanġelju), u għad-diskors tal-Papa fiż-żjara li għamel fuq il-gżira Griega ta’ Lesbos. L-Arċisqof għamel enfasi fuq il-ħtieġa li l-pajjiżi Ewropej jaffrontaw sitwazzjonijiet ta’ persuni vulnerabbli, inkluż immigranti, anke meta dawn ma jirrendux benefiċċji immedjati jew tanġibbli għall-pajjiż.
L-Arċisqof fakkar fil-ġrajja ta’ meta Publiju u l-Maltin laqgħu lil Pawlu u l-membri kollha tal-ġifen. L-Arċisqof qal li dan hu rakkont li għandu jispira lil poplu Malti, biex tgħinu wkoll jibni ‘teoloġija ta’ ospitalità’.
Dwar l-immigranti……imma
l-immigranti ma dehru imkien
Fl-istess simpożju li tratta l-immigranti wieħed ma setax ma jinnotax għadd ta fatturi fosthom li dan sar f'Villa Francia, post li jfakkrek f'lussu kbir. Apparti dan, fl-istess simpożju minkejja kelliema minn diversi faxex, ma kien hemm ebda persuna immigrant.
Dan ma setax ma jiġix innutat u filfatt anke tqajjem fl-istess simpożju, fejn Michael Grech lettur staqsa kif ma kienx hemm preżenza ta' immigranti fis-simposju.
Dwar dan wieġeb ir-Reverendu Fr Hector Scerri fejn qallu li meta ħasbu biex jistiednu immigranti għal dan is-simposju kien tard wisq.
Il-Ministru għall-Intern, Carmelo Abela f'diskors li għamel m'għamel ebda riferenza għat-traġedji li seħħew fil-Mediterran u ftit bogħod minn pajjiżna, ftit tal-jiem ilu. Hu ddikjara biss li minkejja li ma' tantx għadhom qed jaslu immigranti, dan ma jfissirx li l-problema għaddiet.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home