Jinjora l-isfidi dwar l-Air Malta
Fl-aħħar jiem il-ġurnal L-ORIZZONT xandar rapporti li fihom rappreżentanti ta' kumpaniji ewlenin ta' awdituri qalu ċar u tond li l-proposta Nazzjonalista li l-ishma tal-Air Malta għandhom jinbiegħu lill-poplu ma tistax isseħħ fil-mument. Wara li xxandru dawn ir-rapporti il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil biex jippubblika l-pariri li għandu biex l-ishma tal-Air Malta jinbiegħu lill-pubbliku.
Minkejja din l-isifda li saret u li ġiet pubblikata f'artiklu fuq il-ġurnal it-Torċa, il-Kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ waqt intervista għażel li jinjora għal kollox din l-isfida. Filfatt hu ma semma' xejn dwar din l-isfida mill-Ministru għat-Turiżmu. Sa issa għad mhux magħruf jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni hux se jilqa' din l-isfida. Il-fatt li Simon Busuttil jidher li se jibqa' lura milli jippubblika l-pariri li għandu, qed iqajjem diversi mistoqsijiet dwar x'wassal biex il-Kap tal-Oppożizzjoni jagħmel dik il-proposta, li qed jingħad b'mod ċar li ma tistax titwettaq.
Ilbieraħ filgħodu l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li l-proposti tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-Air Malta ma jistgħux jitwettqu għaliex il-kumpanija ilha tagħmel telf għal snin twal. Il-Ministru Zammit Lewis qal dan waqt laqgħa politika f'Santa Venera, fejn għamel referenza għar-rapport li deher ilbieraħ fuq il-gazzetta t-Torċa. Meta ken qed jitkellem dwar l-Air Malta il-Ministru Zammit Lewis qal li l-linja nazzjonali tal-ajru ilha titlef il-flus sa mill-2003. Qal li dwar din is-sitwazzjoni, il-Partit Nazzjonalista ma għamel xejn, apparti pjan ta' azzjoni mal-Unjoni Ewropea. “Issa ġimgħa ilu l-Kap tal-Oppożizzjoni qalilna li ried isolvi l-problema fl-Air Malta billi jagħti l-ishma lill-ħaddiema. Imma issa nafu li dan ma jistax isir,” qal il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Filwaqt li serraħ moħħ il-ħaddiema, li l-proposti tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma humiex se jsiru, il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Gvern se jaħdem u jinnegozja l-aqwa ftehim għall-Air Malta. Ta’ min jgħid li l-proposta ta’ Busuttil, wasslet ukoll għal reazzjoni minn diversi kumpaniji involuti fis-servizzi finanzjarji u awdituri. L-istess kumpaniji qegħdin jgħidu li fiċ-ċirkostanzi ma jagħmel ebda sens li toħroġ ishma għall-pubbliku għax m’hemmx dak li huma jsejħulu ‘business case’. Dan minħabba l-istat finanzjarju tal-kumpanija. Awditur partikolari qalilna li, "Hu fatt li ma jistgħux jinħarġu ishma għall-pubbliku għax biex dan isir hemm bżonn li jkun hemm profitt reġistrat għal tliet snin infila."
Kumpanija oħra ddikjarat li, "Mill-kontijiet tal-Air Malta għas-sena 2015 jirriżulta li hemm toqba ta' €60 miljun. Biex ir-regolatur iħallik toħroġ fis-suq għall-pubbliku trid tgħidlu kif se tagħlaq din it-toqba." L-istess rappreżentanti ta' kumpaniji meta tkellmu ma' l-ORIZZONT, kienu spjegaw li hemm differenza totali bejn li jinġab sieħeb strateġiku kif jidher li hi l-mira tal-Gvern u l-fatt li jinħarġu ishma għall-pubbliku. Bi sħab strateġiku se ddaħħal tmexxija u ideat ġodda, u b'ishma għall-pubbliku se ddaħħal biss flus u kollox jieqaf hemm. Sid ta' kumpanija ewlenija qalilna li, "Tajjeb li ddaħħal il-pubbliku, imma fil-mument u fiċ-ċirkostanzi tal-Air Malta din tista' ssir? Hemm proċeduri rigorużi u għandi dubji kemm tista' ssir. U liema huma dawk il-kumpaniji u stock brokers li se jidħlu għal dan il-proċess fl-istat li hi l-Air Malta?. Min se jinvesti f'xi ħaġa li fl-immedjat ma jidhirx li se tagħmel qligħ?"
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home