"Qatt ma ddiskutejna d-dħul tal-morning after pill f'pajjiżna"
- NCPE
Il-kwistjoni dwar il-fatt li sar protest ġudizzjarju biex f'pajjiżna tidħol il-pillola kontraċettiva ta' emerġenza magħrufa bħala 'morning after pill', qed isir magħruf li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) qatt ma ddiskutiet jekk din il-pillola kontraċettiva ta' emerġenza għandhiex tidħol f'pajjiżna. Wara li fl-aħħar jiem diversi organizazzjonijiet tan-nisa qagħdu lura milli jesprimu ruħhom, l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) meta mistoqsijin dwar il-protest ġudizzjarju li sar, qalulna li "hu d-dritt ta' kull ċittadin li jressaq protest ġudizzjarju u l-NCPE tara b'mod pożittiv l-fatt li nisa Maltin ikunu attivi dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom.
Dwar dan il-protest, wieħed irid jistenna x'se tkun id-deċiżjoni tal-Qorti". Mistoqsijin dwar jekk qattx kellhom diskussonijiet biex din il-pillola tidħol f'pajjiżna, qalulna li "sa issa l-Kummissjoni qatt ma kellha okkażjoni li tiddiskuti dan is-suġġett iżda mistenni jkun diskuss fil-ġranet li ġejjin". inewsmalta.com irrapporta fl-aħħar jiem li il-Grupp Parlamentari Laburista se jkun qed jiddiskuti din il-kwistjoni.
Intant f'messaġġ li ħarġu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Mario Grech esprimew tħassib għall-protest ġudizzjarju li tressaq fil-Qrati mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tal-Mara, biex f’pajjiżna tiġi legalizzata l-pillola morning-after. Huma qalu li japprezzaw li qabilhom diġà esprimew dan it-tħassib għaqdiet u organizzazzjonijiet u tant oħrajn li fostna għadhom jemmnu li d-dinjità tal-ħajja umana għandha tkun imħarsa u rispettata sa mill-konċepiment. "Nagħmluha ċara li aħna napprezzaw il-ħidma favur id-drittijiet tal-mara fis-soċjetà tagħna biex ikunu rispettati u promossi bla heda r-rwol u d-dinjità tal-mara. Fl-istess waqt, aħna favur id-drittijiet tal-persuna fil-ġuf li għalkemm ma għandhiex qawwa ssemma’ leħinha, id-dritt tagħha għall-ħajja għandu jiġi mħares bil-qawwa kollha. Għalhekk, aħna naffermaw b’saħħa li l-legalizzazzjoni ta’ din il-pillola, li hija f’ħafna każi abortiva, m’għandhiex tkun kwistjoni marbuta mad-drittijiet tal-mara jew sempliċement mas-saħħa riproduttiva tagħha," qalu l-isqfijiet. Huma saħqu li "fejn hemm bidu ta’ ħajja umana ġdida, hemm kwistjonijiet ferm iktar serji u delikati li jekk ninjorawhom inkunu biss qed nimminaw l-iktar valuri sagri li s-soċjetà u l-konvivenza bejnietna jagħmluhom iktar denji tal-bniedem. Hu s-sens qawwi ta’ umanità u l-fermezza li neħtieġu biex nibqgħu nipproteġu fil-kultura tagħna bħala poplu l-valur u d-dinjità ta’ kull ħajja umana sa mill-konċepiment li għandhom jgħaqqduna flimkien quddiem kwistjoni bħal din. Il-kwistjoni għalina tibqa’ l-fibra morali tas-soċjetà tagħna: mingħajrha nkunu nżarmaw mhux biss dak li rċevejna, imma anke nispiċċaw m’għandna xejn x’ngħaddu lil ta’ warajna, temmew jgħidu l-isqfijiet."
Il-kwistjoni kellha l-bidu tagħha meta l-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa ippreżentat protest kontra l-Gvern Malti fejn qed titlob li f’Malta titħalla tidħol il-pillola tal-kontraċezzjoni magħrufa bħala 'morning after pill', biex il-mara tkun tista’ twaqqaf milli toħroġ tqila.?Minbarra l-protest, li kien iffirmat minn 102 nisa li għandhom bejn 16 u 62 sena, il-Fondazzjoni waqqfet ukoll profil fuq il-Facebook bl-isem 'Emergency Contraception for Malta', biex tippromovi l-kampanja tagħha favur dik li hija magħrufa aktar bħala l-‘morning after pill’.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home