L-Avultun ma ntbagħatx Sqallija qabel ma reġa' ġie eżaminat minn veterinarju
Minkejja l-polemika li nqalgħet dwar il-mewt tal-Avultun Maximus, inewsmalta.com huwa infurmat li l-Avultun ma ntbagħatx Sqallija qabel ma reġa’ ġie eżaminat minn vetrinarju li ċċertifika li l-għasfur seta’ jiġi trasportat. Wara li dan miet nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju, jumejn wara l-wasla tiegħu fi Sqallija, l-ORIZZONT talab għar-reazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali.
Is-Segretarjat Parlamentari qal li l-Awtoritajiet Maltin flimkien ma’ Birdlife Malta għamlu dak kollu possibbli biex l-imsemmi Avultun jingħata l-kura kollha possibbli. Qal ukoll li l-Awtoritajiet u l-Birdlife qed jistennew ir-riżultat tal-awtopsja mill-veterinarji Taljani. Ta’ min ifakkar li l-mewt tal-Avultun kien wassal għal battibekk bejn il-kaċċaturi u l-għaqda BirdLife biż-żewġ naħat jagħmlu akkużi fil-konfront ta’ xulxin.
Kien Lino Farrugia, f’isem il-FKNK, li rrimarka kif kull għasfur li jinġabar jew jingħata lill-BirdLife biex iddewwih u jerġa’ jintelaq fis-selvaġġ jew jinqatel mill-istess BirdLife jew imut. “Il-BirdLife misshom kienu jafu li l-avultun ma kienx f’kundizzjoni ta’ saħħa biżżejjed biex jintbagħat barra biex jinħeles. Imma, milli jidher, l-importanti hu l-fatt li l-BirdLife ħadu l-pubbliċità bil-prominenza neċessarja mill-midja.” Farrugia sostna li milli jidher l-avultun miet kaġun tal-istess negligenza tal-BirdLife u appella lill-mezzi tax-xandir biex ma jibqgħux siekta imma għandha tgħid x’ġara.
Huwa qal li fl-opinjoni tal-FKNK dan l-inċident wera biċ-ċar li l-BirdLife mhux vera jimpurtaha mill-protezzjoni tal-għasafar imma moħħha biss biex tapprofitta minn kull okkażjoni sabiex tieħu l-popolarità mill-midja u tkompli takkwista l-fondi b’tali “teatrini”. Il-BirdLife irreaġixxiet għall-kumment ta’ Farrugia fejn qalet li hi ntalbet biex tassisti u tieħu f’idejha l-għasfur mill-Gvern wara li dan kien salvat minn diversi entitajiet governattivi fosthom il-Wild Birds Regulation Unit, l-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent, it-taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) tal-Pulizija, id-Diviżjoni Veterinarja tal-Gvern u ħaddiema tal-Malta Freeport.
BirdLife iddikjarat li hi dejjem ħadmet, kif se tkompli tagħmel, biex tħares in-natura u l-għasafar fl-interess tal-ġid komuni u rrirmakat li wasal iż-żmien li l-federazzjoni tal-kaċċaturi wkoll tibda tfittex li tikkollabora minflok kontinwament taħli l-ħin tipprova twaħħal f’dak u fl-ieħor.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home