Is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi...jibqa' jistenna
Skultura fina iżżejjen il-madwar tas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi. Faċċata Barokka mill-isbaħ. Meqjus bħala wieħed mill-isbaħ santwarji li għandna imma xejn mhux fi stat tajjeb. Sfortunatament minkejja ftehim li jmur lura għal diversi snin biex is-santwarju jkun restawrat u jitgawda fl-aħjar livell, is-sitwazzjoni hi li dan baqa' qatt ma seħħ.
inewsmalta.com hu nfurmat li dan ma seħħx minħabba intoppi marbutin ma' fondi, fejn minkejja li hemm bżonn xejn inqas minn €300,000 biex isir ir-restawr. Sa issa għad m'hemm ebda żblokk biex dawn il-problemi jintgħelbu. inewsmalta.com hu infurmat li dan is-santwarju hu proprjetà tal-Knisja f'Malta u kien hemm ftehim ta' restawr li kien iffirmat xi snin ilu ma' Din l-Art Ħelwa. Dan il-ftehim kien jirrigwarda l-immaniġġjar tas-sit miż-żewġ entitajiet. Ġara iżda li għal xi raġuni jew oħra il-flus biex jinbeda u jitlesta r-restawr qatt ma mmaterjalizzaw.
L-istess sorsi spjegawlna li Din l-Art Ħelwa kienet qed tagħmel sforzi kontinwi biex issit ikun restawrat minkejja l-ostakli kollha li kien hemm. Ġara li l-Kunsill Lokali tal-Qrendi offra li l-pjazza li hemm quddiem is-santwarju tkun irranġata u pavimentata. Filfatt saret applikazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Biex jitwettaq il-proġett tal-pavimentar il-kunsill kien qed jaħdem biex dan isir minn fondi Ewropej. Ġara li l-kunsill lokali u Din l-Art Ħelwa ingħaqdu bl-għan li jkun hemm il-possibilità li jingħataw fondi Ewropej anke għar-restawr tas-santwarju.
Ir-restawr għas-santwarju hu stmat li jiswa madwar €300,000. Biss l-intopp ġdid li inqala' hu dak li biex dan isir hemm bżonn li 20 fil-mija tal-ispiża tinħareġ bejn il-kunsill u Din l-Art Ħelwa. Jidher li waqt li l-Kunsill Lokali hu lesta li jagħmel dan, Din l-Art Ħelwa qed tgħid li m'għandhiex dawn il-fondi disponibbli. Quddiem dan, inewsmalta.com hu infurmat li qed isiru appelli biex jintervjeni l-Gvern bħal ma ġara fil-każ tal-proġett ta' San Mattew tal-Maqluba. Intqal lilna li l-fondi għal dak il-proġett kienu inġabu minn "Malta Goes Rural". Din il-kappella tinsab eżatt fis-sit fejn fi żmien medjevali kien hemm kappella oħra iddedikata għall-Madonna tal-Ħniena. Din tinsab fil-post magħruf bħala Ħal Lew. Il-kappella li hemm illum inbniet bejn is-sena 1650 u s-sena 1668.
Ritratt: Anthony Xuereb
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home