Monday, June 20, 2016

'Se nibqa' niġġieled sakemm il-pazjenti jieħdu d-dritt tagħhom lura'
         - Silvio Parnis
  

    Fl-aħħar jiem kienu diversi dawk l-anzjani li għamlu kuntatt ma' inewsmalta.com dwar x'ġara mill-Kartuna r-Roża. Kien hemm min qalilna li mar l-isptar u sab li l-pilloli Metformin inqalbulu fuq il-Kartuna s-Safra. Ovvjament qed iqumu ħafna ilmenti għax qed jingħad li dan ifisser li jekk issa jkollhom bżonn 'hearing aide' iridu jħallsuh huma bi spiża ta' madwar 500, dentaturi l-istess, waqt li jiġu affettwati servizzi ta' telecare u benefiċċji fuq kera tas-servizz tat-telefon.  Dwar il-tneħħija tal-Kartuna r-Roża, inbdiet kampanja mid-Deputat Laburista Silvio Parnis.

F'kummenti lilinewsmalta.com hu qalilna li "bdejt din il-kampanja fuq il-Kartuna r-Roża. Bdejtha fil-Parlament u se nibqa' niġġieled sakemm dan id-dritt tal-pazjent inġibuh lura. Dan hu dritt li qed jinsteraq lill-pazjent. Nemmen li sakemm dan id-dritt hu hemm, dan għandu jgawdi minnu l-pazjent. Qed nitlob xi ħaġa sempliċi. Li  min kellu Kartuna Roża sa qabel is-sena 2012, tintbgħatilhom ċirkolari biex huma jiddeċiedu jekk iridu jinqalbu fuq il-Kartuna s-Safra. Il-fatt li qed imorru l-isptar u jsibu li nqalbu minn fuq il-Kartuna r-Roża għal fuq il-Kartuna s-Safra ifisser li qed jitilfu diversi benefiċċji fosthom fuq it-telefon."

Intant fl-Aġġornament fil-Parlament, id-Deputat Laburista Silvio Parnis qal li "ma rridx inkun numru fil-Parlament.” Qal li dawk il-persuni li kellhom Kartuna Roża sa minn qabel is-sena 2012 kienu dijabetiċi u kellhom dritt li jibqgħu jġeddu l-Kartuna r-Roża. Hu talab lill-Ministru jara li kull min kellu l-Kartuna r-Roża għax huwa dijabetiku jiġi kkuntattjat u terġa’ tinħareġ din il-Kartuna r-Roża.
Talab ukoll lill-Ministru jieħu azzjoni dwar mijiet ta’ nies li qalbulhom il-pilloli minn fuq il-Kartuna r-Roża għal fuq il-Kartuna Safra kontra r-rieda tagħhom u b’hekk tilfu ħafna drittijiet li kellhom. Dan minkejja li fit-tweġiba li kellu mill-Ministru kienet tgħid li permezz ta’ Avviż Legali fl-2012 id-Diabetes Mellitus Type 1 u Type 2, flimkien mat-Tuberkolożi, il-Poljo u l-Lebbra tneħħew minn fuq l-Iskeda II (Il-Kartuna r-Roża) u żdiedu mal-Lista tal-Kundizzjonjiet Kroniċi li jaqgħu taħt l-Iskema V (Il-Kartuna s-Safra).
Fl-2012 il-pazjenti li kienu jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete ngħataw l-għażla jekk jaqilbux għall-Kartuna s-Safra jew jibqgħux fuq il-Kartuna r-Roża. Il-kelliem qal li għaldaqstant, minkejja l-ispjega ċara tal-ministru, mhux hekk qed jiġri.
Hu talab laqgħa urġenti mal-Ministru għas-Saħħa. Dan biex dawk li kellhom il-Kartuna Roża qabel is-sena 2012 għax kienu dijabetiċi u ġiet imneħħija kontra r-rieda tal-pazjenti jiġu avviċinati biex terġa' tingħata lura din il-Kartuna Roża bi dritt permezz tal-Avviż Legali tas-sena 2012.
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home