It-tluq tal-Renju Unit mill-UE ma narahx l-aħħar tad-dinja - Lino Briguglio
F'kumment li tana dwar id-deċiżjoni tal-poplu tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, l-ekonomista Lino Briguglio qalilna li, "Ma nikkunsidrax il-fatt li r-Renju Unit se jitlaq mill-Unjoni Ewropea bħala li hu l-aħħar tad-dinja. Ir-Renju Unit se jkun bħalma huma l-Iżvizzera, in-Norveġja u l-Iżlanda, assoċjati mill-qrib mal-Unjoni Ewropea. Dawn imma se jitilfu l-influwenza tagħhom fid-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea. L-Iskozja se tfittex għall-indipendenza u din id-darba teħodha. Naħseb li r-Renju Unit mhux se jkun suċċess bħall-Iżvizzera u n-Norveġja. Ir-Renju Unit se jkompli jitlef l-influwena tiegħu fil-politika dinjija u fl-ekonomija. Ir-rwol ta' Londra bħala ċentru finanzjarju kbir jista' wkoll jiġi mhedded. Malta se tkun affettwata b'dak li ġara b'mod partikolari fit-turiżmu, imma anki hawn mhix se tkun l-aħħar tad-dinja.
” Vot stupidu…..nibża' li jkun kontaġjuż" -
L-ekonomista Carm Farrugia
“Vot stupidu. Dak li jbeżżagħni hu li dan il-vot jista' jkun kontaġjuż u jaffettwa pajjżi oħra." Dan sostnieh l-ekonomista Carm Farrugia meta mitlub jikkummenta dwar ir-riżultat tar-referendum. B'mod emozzjonanti għall-aħħar qalilna li, "Dan hu vot stupidu. Ir-Renju Unit inbidel. Reġgħu marru lura għaż-żmiinijiet l-antiki tal-kolonjaliżmu. F'dawk iż-żminijiet kienu jħossuhom speċjali u hekk qed jiġrilhom issa. Dan hu xokk kbir għalija li dejjem ħabbejt ir-Renju Unit." Enfasizza li, "Dawn għażlu li jkunu iżolati. Huma mhux qed iħossu lilhom infushom Ewropej. Aktar għandhom rabtiet mal-Istati Uniti. Imma mbagħad għandek l-Istati Uniti li trid li jkollha aktar rabtiet mill-qrib mal-Unjoni Ewropea. Jien naħseb li din id-deċiżjoni se jkollha effett fuq deċiżjonijiet f'pajjiżi oħra. Hemm ċans li tkun kontaġjuża. Tbeżżagħni li dan forsi hu l-bidu tat-tmiem tal-Unjoni Ewropea, għalkemm ma nemminx li dan jiġri.”
“Dak li kien jgħid Alfred Sant xi jfisser? … Kien qed jaħseb għat-tul?”
- l-Avukat Franco Debono
Wara r-riżultat fir-Renju Unit, f'Malta kien hawn min reġa' mar lura għad-dibattitu qalil li kien seħħ f'pajjiżna 12-il sena ilu b'rabta mad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. L-eks Deputat Parlamentari Franco Debono staqsa xi jfisser dak li ġie deċiż fir-Renju Unit, meta tqabblu ma' dak li kien jgħid l-eks Prim Ministru Dr Alfred Sant fuq l-Unjoni Ewropea. Staqsa jekk Dr Sant kienx qed jgħid il-ħmerijiet jew inkella kien qed jaħseb fit-tul. L-avukat Franco Debono, fir-reazzjoni tiegħu għal dak li ġara fir-Renju Unit, ikkummenta li, "Wara l-vot Brexit jiġini f'moħħi Alfred Sant, bniedem akkademikament brillanti li għoxrin sena ilu verament ried inaddaf il-politika u li ried relazzjoni speċjali mal-Unjoni Ewropea iżda mhux sħubija, u persuna li minkejja l-kwalitajiet tiegħu qatt ma ġie apprezzat minn dan l-pajjiż. Wara l-vot Brexit xi jfisser dak li kien jgħid Alfred Sant? Jagħmel aktar jew anqas sens illum? Alfred Sant kien qed jgħid ħmerijiet jew bniedem li jaħseb għat-tul ? Nistaqsi." Hu ddikjara wkoll li, "Dan hu mument ta' riflessjoni u diskussjoni madwar l-Ewropa u madwar d-dinja. Tajjeb nirriflettu u niddiskutu aħna wkoll".
"Mhux petizzjoni, imma nintrabtu fi Gvern ta' koalizzjoni biss ma' partit li jagħmel referendum f'Malta fi żmien sentejn"
- Ivan Grech Mintoff
Ivan Grech Mintoff, mistoqsi jekk hemmx xi ħsieb li l-Alleanza Bidla tibda tiġbor petizzjoni biex isir referendum f'Malta dwar l-Unjoni Ewropea, qalilna li, "Flok petizzjoni għal referendum biħsiebna nirrappreżentaw lin-nies biex issir bidla ta' veru. Lesti nintrabtu ma' partit fil-Gvern jekk dan jilqa' waħda mit-talbiet tagħna li jsir referendum fi żmien sentejn mindu tkun saret l-elezzjoni." Grech Mintoff sostna li, "Il-Partit Alleanza Bidla ilu jgħid għal dawn l-aħħar snin li l-politikanti mexjin f'direzzjoni differenti minn dak li jixtieq il-poplu. Flok jirrappreżentaw lill-popli, qed jirrappreżentaw lill-bankiera u l-lobbyists, u l-poplu xeba' u jrid lura s-sovranità. Wara l-Ingliżi issa għadhom kemm tkellmu l-Franċiżi, in-Norveġiżi, Żvediżi u l-Olandiżi u lkoll qed juru li jixtiequ referendum ukoll. Jekk hu bħalma qed nisimgħu, il-Prim Ministru Malti u l-Kap tal-Oppożizzjoni issa fehmu li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn riforma u allura għandhom jitilqu mill-grupp tal-Partiti Popolari Ewropej u l-Grupp tal-Partiti Soċjalisti Ewropej u jidħlu magħna fi gruppi Ewropew oħrajn li jridu riforma. Inkella kollox kliem fieragħ." Sostna li, "Dan is-sentiment ta' tibdil jinħass fil-poplu Malti u allura nitolbu lill-Prim Ministru Malti biex imur jinnegozja pakkett ġdid u aħjar mal-Unjoni Ewropea u jiġi Malta u jħalli l-poplu Malti jiddeċiedi jekk jibqax fl-Ewropa permezz ta' referendum. Tliet snin ilu meta ħriġna bħala alleanza konna Laburisti u Nazzjonalisti li rajna li l-pakkett mhux tajjeb. Nigel Farage kien laqagħna dakinhar."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home