Saturday, June 25, 2016

Ix-Xewkin bl-akbar arblu bla ventijiet

Ix-Xewkin li din il-ġimgħa qed jiċċelebraw il-festa ta' San Ġwann Battista, żanżnu l-akbar arblu f'Għawdex. Dan fih 80 pied u hu bla ventijiet.
L-arblu se jitbierek illejla waqt il-marċ magħruf bħala 'Tal-Ħniena'. Ta' min jgħid li għall-ħames sena konsekuttiva, fis-Sede tas-Socjeta’ Filarmonika Prekursur qed tittella’ esebizzjoni oħra fil-ġimgħa tal-festa.
Is-sena 2016 hija waħda speċjali għall-Kumitat Żgħażagħ Brijużi Xewkin, għaliex fiha qed jiċċelebraw l-20 sena mit-twaqqif tal-Kumitat Żgħażagħ Brijjużi Xewkin li llum il-ġurnata huwa sotto kumitat fi ħdan is-Socjeta’ Filarmonika Prekursur.
Sabiex ifakkru dan l-avveniment tellgħu esebizzjoni bl-isem ‘Ħidmietna’ fejn qer juru bosta xogħlijiet li twettqu volontarjament matul is-snin mill-membri fi ħdan il-kumitat kif ukoll minn żgħażagħ oħra li jiġu jagħtu daqqa t’id sabiex il-proġetti jitlestew fil-ħin. Minbarra li qed juru ħidmiethom permezz ta’ din l-esebizzjoni, se jkunu qed jistimulaw żgħażagħ oħra sabiex jagħtu s-sehem tagħhom fil-volontarjat billi jagħmlu użu mill-ħiliet tagħhom kif ukoll jitgħallmu jagħmlu xogħol ieħor, bħall-ħjata, żebgħa, welding, tfassil ta’ drapp u tpenġija fost oħrajn.
Permezz ta’ dan, inkunu qed ibiegħdu aktar iż-żgħażagħ mill-vizzji qerrieda li qed joħonqu s-soċjeta’ tal-lum. L-esebizzjoni infetħet uffiċjalment nhar it-Tnejn 20 ta’ Ġunju 2016 u ddum miftuħa ġimgħa u ġiet inawgurata mill-Onor. Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home