Saturday, June 25, 2016

It-tiġrif ta' ajruplan fix-Xlendi: Rabja fost dawk midħla tal-avjazzjoni

"Suppost li diġà bdiet l-investigazzjoni. Imma saret il-ħatra tal-Bureau għall-Investigazzjonijiet tal-Aċċidenti tal-Ajru? Li nistgħu ngħidu f'dan l-istadju hu li se jkun hemm diskussjonijiet dwar dan."
Din kienet reazzjoni li ħadna wara l-inċident ta' din il-ġimgħa fejn ajruplan żgħir waqa' fix-Xlendi. Meta staqsejna x'inhi r-raġuni li l-Bureau għall-Investigazzjonijiet tal-Aċċidenti tal-Ajru għadu ma nħatarx, espert fl-avjazzjoni qalilna li "dak iwieġeb il-Ministeru".

Stħarriġna dwar l-investigazzjoni li trid issir mil-lat ta' avjazzjoni, fejn dwar dan anke suppost isiru rakkomandazzjonijiet jekk ikun hemm bżonn. Normalment investigazzjonijiet bħal dawn jibdew b'mod immedjat imma jidher li fil-każ tal-waqa' tal-ajruplan tax-Xlendi, jidher li nqalgħu diffikultajiet. Meta stħarriġna dwar il-Bureau għall-Investigazzjonijiet tal-Aċċidenti tal-Ajru, ir-risposta kienet li, "Jeżisti l-Bureau biex jinvestiga?". Meta għamilna aktar mistoqsijiet ġejna mitlubin nikkuntattjaw lill-Ministeru.
Għamilna kuntatt mal-Ministeru għat-Turiżmu peress li l-Bureau jidher li jaqa' taħt dan il-Ministeru, bil-kelliema għar-relazzjonijiet pubbliċi tistaqsina jekk jaqax taħt il-Ministeru. Infurmajnieha li l-istess Bureau qiegħed imniżżel mal-Ministeru għat-Turiżmu u hi qaltilna li se tara u tinfurmana dwar l-ilment jekk dan hux maħtur. S'issa għadna bla tweġiba.

Għamilna kuntatt ukoll mad-Direttur tad-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili, George Borg Myatt, u meta staqsejnieh dwar l-investigazzjoni irreferiena għall-istqarrija ta' Transport Malta. Meta staqsejnieh speċifikatament jekk il-Burea hux imwaqqaf, qalilna li ma jafx u qalilna nistaqsu lil Transport Malta.
Għamilna kuntatt ma' Transport Malta, biss it-tentattivi biex naqbdu mal-uffiċjali responsabbli mill-kommunikazzjoni irriżultaw fin-negattiv. Għamilna kuntatt mal-Ministeru għat-Trasport u ġejna mitluba nibgħatulhom imejl. Għamilna dan, iżda s'issa għadna bla tweġiba.
Il-Bureau għall-Investigazzjoni ta' Aċċidenti tal-Ajru hu entità indipendenti u jinvestiga aċċidenti tal-ajru li jseħħu fit-territorju Malti. L-għan ikun li jiddetermina ċ-ċirkostanzi  tal-inċident u jekk ikun hemm bżonn isiru rakkomandazzjonijiet ta' sigurtà.  L-investigatur normalment ikun persuna kwalifikata, fejn dan fl-investigazzjoni tiegħu jieħu dikjarazzonijiet mingħand dawk kollha involuti.
Il-każ tal-ajruplan li waqa' fix-Xlendi qed jitqies bħala 'wieħed stramb ħafna'.  Iċ-ċirkostanzi ta' kif kien qed itir l-ajruplan u l-fatt li ħadd ma kien informat bih qed ikomplu jqajmu ħafna mistoqsijiet.
Il-Pulizija qiegħda wkoll tinvestiga dan l-inċident.
 L-ajruplan hu reġistrat l-Italja, fejn fuqu kien hemm miktub l-isem ta' skola tal-avjazzjoni bl-isem ta' Fly Sibari.
Jidher li ħadd ma kien mgħarraf b'din it-titjira li telqet minn Agrigento fi Sqallija. Sa issa għadu mhux magħruf fejn kienet sejra t-titjira. La l-kontrolluri tal-ajru Taljani u lanqas dawk Maltin ma kienu mgħarrfin bit-titjira.  Apparat magħruf bħala Transponder, apparat li hu obbligat li jkun jiffunzjona għax permezz tiegħu l-ajruplan jinqabad mir-radar, ma kienx mixgħul. Dan il-fatt qed iqajjem għadd ta' mistoqsijiet.
Matul il-ġurnata tal-bieraħ, il-Pulizija Maltija interrogat għal diversi ħinijiet liż-żewġ persuni li kienu abbord l-ajruplan,  wieħed ta' 55 sena u ieħor ta' 61 sena. 
 
Ritratt: Joe Grech



0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home