Sunday, June 26, 2016

"Materjal pirotekniku dejjem fih il-periklu"

'Materjal pirotekniku, anke jekk inhi xi ħaġa żgħira ħafna dejjem fiha xi tip ta' periklu. Hawn impressjoni żbaljata li għax tixtriha mingħand tal-ġugarelli dik tkun sigura.  Il-każ li kellna fiż-Żejtun fejn tifel ħadulu fil-but mhux każ uniku. Kien hemm min weġġa' għajnejh u partijiet oħra ta' ġismu b'ċertu logħob pirotekniku. Mhux se ngħid jekk għandux jinbiegħ lit-tfal jew le, imma għandu jkun hemm informazzjoni ta' kif għandhom jintużaw u fuq kollox x'mgħandekx tagħmel. Qatt m'għandek tixtri materjal pirotekniku u tħallih f'but jew mitluq x'imkien. Dak ikun sensittiv u b'ċertu pressjoni ġo fih u ma' daqqa kapaċi jieħu. Għandna każ ieħor ta' tifel li weġġa, każ li jfakkarna fit-tifel li kien weġġa' b'dawk magħrufin bħala 'bombi sofor'. Nistaqsi meta se nitgħallmu?".

    Dan sostnieh ma' inewsmlta.com, inġinier midħla sew tal-pirotenika, fejn tlabnieh kummenti dwar l-inċident ta' dan it-tifel li ħadulu trikki trakki fil-but bil-konsegwenza li kkawżawlu grievi sostanzjali f'saqajh.

    inewsmalta.com għamel kuntatt ukoll mal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Konsumatur (MCCAA), fejn dawn talbuna nibagħtulhom id-domandi bil-miktub. Minn l-ewwel spjegazzjoni li tawna ddeskrivew dak il-materjal bħala li hu 'pirotekniku'. Spjegawna li huma jagħmlu diversi spezzjonijiet fis-suq biex jaraw x'ikun qed jinbiegħ. Mistoqsijin jekk dan hux materjal li għandu jinbiegħ lit-tfal, huma qalulna li l-MCCAA mhux kompitu tagħha tara dan.

    Intant wara li ħareġ il-każ ta' dan l-inċident kienu diversi dawk l-ommijiet li esprimew il-fehma tagħha li dawn it-tip ta' logħob m'għandux jitħalla f'idejn it-tfal.  Omm miż-Żejtun li kkuntattjatna qaltilna li, "Meta l-missier ippubblika dawk ir-ritratti ħasduni. Lil ibni xtrajtlu kemm-il darba minnhom u qatt m'għaddieli minn rasi li dawn jistgħu jieħdu fil-but u jiġri dak li ġara. Nittamaw li l-awtoritajiet jieħdu passi dwar dan. Hemm bżonn li min ikun se jixtri jkun infurmat bil-konsegwenzi kollha."

    Missier li tkellem magħna qalilna li "kien hemm żmien meta dawn il-faqqaturi li tgħollihom u jfaqqgħu ma kinux permessibbli jinbiegħu. Ġara iżda li reġgħu tfaċċaw. Nistennew li tittieħed azzjoni".?Missier it-tifel involut f'dan l-inċident waqt li ppubblika r-ritratti tal-ġrieħi li ġarrab ibnu kiteb li, "Fil-festi u attivitajiet oħra fejn ikun hemm it-tfal qed ikun hemm dawk li suppost ibigħu l-ġugarelli. Minn ftit tas-snin ilu 'l hawn żdiedu wkoll it-trakki trakki li ssabbathom mal-art u jfaqqgħu. Nhar is-Sibt ibni xtara minnhom u żammhom fil-but tal-qalziet. Waqt li kien qiegħed jilgħab ma' shabu, intlaqat b'daqqa jew inqarsu u ħadu kollha f'daqqa, fejn spiċċa ħaraq il-qalziet u, agħar minn hekk, ħaraq saqajh ukoll. Aċċident li seta' kellu konsegwenzi agħar minn hekk kieku kienu fil-but tal-qmis u ħaraq wiċċu u għajnejh."?"Meta se jkun hemm nies responsabbli jaraw x'qed joffru l-bejjiegħa suppost tal-ġugarelli lit-tfal tagħna?" tenna l-missier.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home