Wednesday, July 6, 2016

Immigranti bla protezzjoni għandhom jingħataw ċittadinanza Maltija - Neil Falzon, Aditus

Hawn min ilu f'pajjiżna seba' jew tmien snin. Hawn min anke ilu aktar minn għaxar snin.  Waslu f'pajjiżna bid-dgħajjes u minkejja li applikaw għal protezzjoni jew għal status ta' refuġjat, huma ma kkwalifikawx għalih. Baqgħu f'pajjiżna. Jaħdmu. Xi wħud waqqfu anke negozju. Iħallsu t-taxxi u jikkontribwixxu għall-pajjiż. Biss minkejja dan dawn huma persuni bla dokumenti. Persuni li m'għandhomx ċittadinanza Maltija.  Quddiem dan inewsmalta.com staqsa lid-Direttur tal-Aditus, Neil Falzon, dwar jekk iħossx li dawn it-tip ta' persuni għandhomx ikollhom ċittadinanza Maltija. Bla tlaqliq Falzon jiddikjara li "dawn huma persuni li ilhom hawn u ma jistgħux jiġu ritornati. Naħseb li għandu jkollhom ċittadinanza Maltija, jew inkella jkun hemm pjan biex wara ċertu żmien jingħataw permess għal residenza. Dawn huma persuni li qed jaħdmu u jikkontribwixxu għall-pajjiż. Tgħallmu l-Malti u l-Ingliż. M'għandux l-Istat jirrikonoxxi l-isforz ta' dawn il-persuni?"

    Quddiem is-sitwazzjoni li qegħdin jgħixu fiha dawn it-tip ta' immigranti, hi dik li dawn qed jispiċċaw mċaħħdin minn għadd ta' benefiċċji u drittijiet Fi kliem Neil Falzon, dawn il-persuni li uħud minnhom m'humiex żgħar fl-età lanqas huma intitolati għall-pensjoni u dan biex dawn il-persuni  jkollhom għajxien dinjituż meta jaslu f'dik l-età.

    Intant meta tnediet il-pubblikazzjoni "Vjaġġi ta' Tama" pubblikazzjoni li tħejjiet mis-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati fl-Ewropa, Neil Falzon mill-ADITUS għamel żewġ talbiet lill-Gvern. L-ewwel talba hi biex il-Gvern iħalli xejn inqas minn 500 qarib ta' immigranti li qed jgħixu f'Malta jingħaqdu mill-ġdid ma' familjari tagħhom. Talba oħra hi biex dawk li qed jagħżlu li ma jagħmlu il-vjaġġ bid-dgħajsa imma minflok jagħmlu l-vjaġġ b'passaport falz ma jispiċċawx il-ħabs.  Dawn it-talbiet se jsiru lill-Gvern minn erba' għaqdiet li huma l-Aditus, Integra, JRS u l-Kummissjoni Emigranti.

    Neil Falzon semma' l-każ ta' Fatuma li ilha tgħix f'Malta sitt snin. Din għandha tlett itfal li qed jgħixu f'kamp tar-refuġjati fil-Kenja ma' oħtha. Spjega li din għandha protezzjoni sussidjarja imma l-gvern Malti mhux iħalli lil dawn l-immigranti bi protezzjoni sussidjarja jingħaqdu mill-ġdid mal-familjari tagħhom. Hu spjega li kif inhuma l-affarijiet bħalissa Fatuma hi destinata li tibqa' ma tarax lill-familjari tagħha.

    Jitkellem ukoll fuq Mohammed li hu Libja u dan ma riedx jaħrab lejn l-Ewropa bid-dgħajsa minħabba r-riskji. Dan minflok ħallas għal passaport falz iżda inqabad kif wasal Malta. Ittieħdu proċeduri kontrieh u weħel sitt xhur ħabs. Neil Falzon spjega li hemm liġijiet li jgħidu ċar u tond li xi ħadd  li jkun ħarab minn pajjiżu b'passaport falz jispiċċa l-ħabs.

    Fil-pubblikazzjoni "Vjaġġi ta' Tama" ġew irrakkontati għadd ta' esperjenzi ta' immigranti b'mod partikolari dawk li kienu qed jagħmlu l-vjaġġi bejn it-Turkija u l-Greċja.
    minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home