Wednesday, July 6, 2016

Il-WSC saret negozju tal-familja... min idaħħal it-tifel, it-tifla, ir-raġel, il-mara u anke l-għarajjes - Marthese Portelli

Id-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli llejla fil-Parlament qalet li ltaqgħet ma' diversi ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u qalet li dawn qed jgħidu li hemm nies deħlin bl-addoċċ u promozzjonijiet bl-addoċċ ukoll.
    Qalet li hemm min qed jgħid li nies li daħlu dan l-aħħar ħlief iħarsu u jduru ma jagħmlux waqt li hemm oħrajn qed jagħmlu xogħol ta' tnejn min-nies. Dan ifisser li jew iddaħħlu ħaddiema sempliċiment biex sabulhom impjieg, jew inkella dawn qed iħossuhom superjuri.
    Enfasizzat li fil-WSC iddaħħlu 'l fuq minn 150 ħaddiem ġdid. Staqsiet jekk il-promozzjonijiet li ngħataw kinux kollha ġustifikati. Saħqet li, “Il-ħaddiema qed jgħidu li l-WSC saret qisha 'negozju tal-familja'. Min idaħħal it-tifel, min idaħħal it-tifla, min idaħħal il-mara, min ir-raġel, min idaħħal l-għarus tat-tifla u min in-neputijiet. Minn Mejju tas-sena li għaddiet sal-lum, il-Gvern ma sabx il-ħin jgħidilna kemm hemm ħaddiema imniżżlin mal-WSC u kemm hemm ħaddiema ġodda."
    Żiedet tgħid li l-Gvern ma jridx iwieġeb għax għandu x'jaħbi. "Kienu għamlu Executive Chairperson u qalulna li dan sar biex jiġu ffrankati l-flus għax flok għamel Chairperson u CEO, issa kien hemm persuna waħda. Illum il-WSC m'għadx għandha Executive Chairperson imma Cairman u CEO. Il-mossa ta' Executive Chairperson ma saritx biex jiġu ffrankati l-flus imma biex jinħolqu 'cushy jobs'."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home