Malta u l-Polonja implikati f'allegat skjavitù ta' persuni mill-Korea ta' Fuq
Il-Polonja u Malta ġew implikati bħala li allegatament qed jintużaw mir-reġim tal-Korea ta' Fuq billi jintbagħtu lejhom ħaddiema deskritti bħala 'skjavi sponsorjati mil-Istat' u dan biex b'hekk jittaffew is-sanzjonijiet li hemm bħalissa fuq dan il-pajjiż minħabba l-programm nukleari tiegħu.L-allegazzjonijiet li xxandru f'għadd ta' midja internazzjonali saru mill-Alleanza Ewropea għad-Drittijiet Umani fil-Korea ta' Fuq (EAHRNK). Rapporti li xxandru kienu qed jallegaw li l-Korea ta' Fuq kienet qed tibgħat għadd ta' mijiet ta' ħaddiema biex jaħdmu fi stati Ewropej. Ġie allegat li dawn qed jitħaddmu f'xiftijiet ta' bejn 10 u 12-il siegħa għal sitt jiem fil-ġimgħa. Ingħad li 90 fil-mija tal-pagi tagħhom qed jispiċċaw jintbagħtu lejn il-Korea ta' Fuq.
L-Alleanza Ewropea għad-Drittijiet Umani fil-Korea ta' Fuq qalet li dawn il-persuni qed jaħdmu f'tarznari Pollakki, irziezet u kumpaniji tal-kostruzzjoni. Huma jsemmu ukoll lil Malta direttament u jgħidu li dawn hawnhekk qed jitħaddmu fl-industrija tad-divertiment u fil-manifattura tal-ħwejjeġ. L-Ambaxxata tal-Korea ta' Fuq f'Varsavja ċaħdet għalkollox li dawn il-ħaddiema qed jiġu mċaħħdin mill-paga tagħhom.
"Ħadd mhu jeħdilhom is-salarju tagħhom. Huma qed jaħdmu u jaqilgħu l-flus għalihom," iddikjarat l-ambaxxata. Biss qed ikun allegat li r-reġim ta' Kim Jong Un qed juża x-xogħol barra l-pajjiż biex ikollu biżżejjed flus barranin biex jegħleb l-impatt tas-sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda. Dawn is-sanzjonijiet kienu estiżi f'Marzu wara li sar test nukleari fi Frar li għadda.
Michael Glendinning, Direttur tal-Alleanza Ewropea għad-Drittijiet Umani (EAHRNK), qal li kollox hu mmexxi minn Pyongyang u dan qed jibbenefika ħafna mix-xogħol ta' dawn il-ħaddiema. Ta' min jgħid li f'rapport li kien inħareġ mill-Ġnus Magħquda is-sena li għaddiet, kien ġie stmat li xejn inqas minn 50,000 persuna mill-Korea ta' Fuq kienu qed jaħdmu barra l-pajjiż, bl-Istat kien qed jaqla' bejn $1.2 biljun u $2.3 biljun.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home