Friday, July 8, 2016

'Ikkonfrontajtu mill-ewwel... kien kumment razzist' - Iċ-Ċermen ta' ONE TV

"Jien għamilt kuntatt miegħu u heżżistu mill-ewwel. Ikkonfrontajtu. Għedtlu li kien kumment razzist."Dan qalu ċ-Ċermen tal-Istazzjon ONE TV, Jason Micallef, ma' inewsmalta.com, fid-dawl ta' kummenti msejħa razzisti li Antvin Monseigneur kiteb fis-sit soċjali tiegħu.
Monseigneur huwa ġurnalist sportiv mal-istess stazzjon, kif ukoll bħalissa qiegħed issekondat mal-Ministeru għas-Saħħa mingħand l-Awtorità Maltija għal-Logħob (MGA). Micallef ikkonferma ma' inewsmalta.com li anke mill-Ministeru ġie mċanfar.
Fuq is-sit soċjali tiegħu Monseigneur tefa' ritratt tat-timijiet Franċiżi tas-sena 1982 u tal-2016. Huwa kiteb li minħabba l-fatt li issa hemm aktar plejers b'karnaġjon skur fit-tim Franċiż juri li lil dawn ħarqithom ix-xemx.
Fi kliem Monseigneur, "It-tim tal-futbol ta' Franza tal-1982 u tal-2016...innuttaw id-differenza...għamlet ħafna xemx fi Franza."
Dan il-kumment xejn ma niżel tajjeb maċ-Ċermen Micallef. Fil-fatt dan irrispondieh u kitiblu li dan kien kumment razzist. Micallef ikkonfermalna li "wara dak li nkiteb, tneħħa kollox".
Kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa qalilna li l-Ministeru jiddisassoċja ruħu minn kummenti razzisti u li se jittieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront ta' Monseigneur.
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home