Nervi kbar u qalb tgħaġġel kawża ta' energy drinks
Spiss nisimgħu fuq l-effetti negattivi ta' abbuż mill-alkohol miż-żgħażagħ tagħna. Forsi diskussjoni li ftit li xejn issir f'pajjiżna hi dik ta' x'effett qed ikun hemm fuq iż-żgħażagħ tagħna b'xarbiet oħrajn, dawk magħrufa bħala 'energy drinks', li huma popolari maż-żgħażagħ. Professjonisti fl-aħħar jiem iddikjaraw pubblikament li spiss jiltaqgħu ma' żgħażagħ u persuni oħra li qed jispiċċaw ibatu mill-effetti li dawn l-energy drinks qed iħallu fuqhom. Prinċipalment nervi, nuqqas ta' rqad, u taħbit mgħaġġel tal-qalb.
It-tabib tal-familja u Deputat Laburista Ettienne Grech, meta kkummenta ma' inewsmalta.com,tkellem
dwar dak li qed jiltaqgħu miegħu. Iddikjara b'mod ċar li, "Xbajt nara
nies jieħdu energy drinks u jaqbadhom nervi kbar, ma jorqdux u tgħaġġel
il-qalb."
It-terapista tal-familja, Charles Azzopardi ukoll
esprima ruħu dwarhom u ddikjara li, “Xbajt nara nies ibatu bl-ansjetà,
bin-nervi u bl-insomnia minħabba dawn ix-xarbiet. Speċjalment żgħażagħ
li imbagħad ma jkunux jistgħu jikkonċentraw l-iskola. Jalla ma
jagħmluhomx aktar."
Ta' min jgħid li fl-aħħar il-Kummissjoni Ewropea
ddikjarat li se tkun qed tiċċensura kumpaniji li jipproduċu energy
drinks, li jinkludu ammont ta’ zokkor u kaffeina, milli jirriklamaw li
x-xarba żżid il-konċentrazzjoni u l-attenzjoni. Għadd ta’
Ewroparlamentari ħadu din id-deċiżjoni bil-għan li jnaqqsu l-konsum ta’
xorb li fih ħafna zokkor.
It-tabib Etienne Grech meta kkuntattjat qalilna li,
"L-energy drinks saru popolari ħafna maż-żgħażagħ u clubbers minħabba
l-fatt li ż-żgħażagħ huma attivi ħafna fiżikament u jieħdu pjaċir
b'attivitajiet fejn ikun hemm moviment fiżiku. Dawn dejjem ikunu jridu
soluzzjoni sempliċi sabiex ikollhom iktar enerġija u sabiex jikkumbattu
l-għejja. M'għandniex xi ngħidu li ċertu żgħażagħ u anke persuni akbar
fl-età iduru għal drogi stimulanti inkluż dawk sintetiċi. Dan biex
jakkwistaw aktar enerġija."
Kompla jgħid li, "B'mod legali kumpaniji kbar
irnexxielhom jagħmlu kampanji ta' reklamar sabiex ibigħu dawn l-energy
drinks li prinċipalment fihom iz-zokkor li l-ġisem ikun irid
għall-kaloriji kif ukoll sustanzi stimolanti legali bħall-kaffejina jew
it-taurine. Meta tkun qegħed tikkunsma bott energy drink tkun qegħed
tieħu kwantità ta' kaffeina li ssibha ġo erba' tazzi kafe' f'daqqa.
Minħabba l-mod kif jirreklamaw ġabu ħafna popolarità ta' dawn ix-xarbiet
fost ħafna persuni żgħar fl-età li legalment jistgħu jixorbu kemm iridu
bottijiet ta' l-energy drinks."
It-tabib Grech saħaq li, "Ftit huma dawk li jindunaw li
minħabba konsum qawwi ta' energy drinks jistgħu ibatu konsekwenzi
tas-saħħa kemm waqt il-konsum, kif ukoll wara li jgħaddi l-effett
tal-istimolanti li jkun fihom. Il-kaffeina f'dożi qawwija tintuża wkoll
fi prodotti biex inaqqsu l-aptit sabiex dak li jkun jitlef il-piż b'mod
effettiv. Iżda dawn ukoll waslu persuni għand it-tobba jew l-isptar
minħabba l-effetti tal-istimolanti li fihom. Persuni li jikkunsmaw dawn
kemm il-darba spiċċaw jieħdu kura medika minħabba li togħla l-pressjoni,
taħbit mgħaġġel tal-qalb xi drabi anke irregolari speċjalment f'persuni
li jkollhom difetti tal-qalb li ma jafux bihom, tibdil fil-burdata
speċjalment nervi jew aġitazzjoni jew anke dipressjoni.
Dawn iridu ovvjament li jwaqqfu dawn l-energy drinks
iżda jekk il-konsum ta' l-energy drinks kien fuq medda ta' żmien dawn
il-persuni maħkuma minn dawn l-effetti ħżiena ikunu jridu żmien twil ta'
rkupru sakemm il-ġisem inkluż il-moħħ jidra jiffunzjona mingħajr
stimulazzjoni kontinwa li tkun ġiet minħabba konsum prolongat ta' dawn
l-energy drinks. Fatalitajiet huma rari iżda huma possibbli minn attakki
tal-qalb u minn dawn kien hemm numru sinjifikanti li ġew rappurtati
f'pajjiżi żviluppati oħra."
Fl-aħħar jiem spikkat dikjarazzjoni tal-Ewroparlamentari
Chrisel Schaldemose. Hi qalet li l-Kummissjoni Ewropea mhux qed tgħid
lill-adulti u liż-żgħażagħ biex ma jikkunsmawx dan ix-xorb, imma mhux se
tħalli kumpaniji jaqilgħu l-flus billi jirriklamaw li xorb simili
jista’ jgħinhom jikkonċentraw aktar u li għandu benefiċċju fuq
saħħithom.
Fir-riżoluzzjoni tagħhom, l-MEPs qalu li
dikjarazzjonijiet bħal li l-kaffeina żżid il-konċentrazzjoni ma
għandhomx jintużaw biex jattiraw żgħażagħ u adolexxenti. Xarba ta’ 250ml
ġieli jkun fiha madwar 27g zokkor u ammont akbar ta' kaffeina.
Id-Deputati Parlamentari Ewropej ikkwotaw ukoll studji li juru li
l-konsum tal-energy drinks hu marbut ma’ nuqqas ta’ rqad, problemi ta’
mġiba u anke wġigħ ta' ras.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home