Sunday, July 10, 2016



Wied il-Qlejgħa taħt iċ-ċpar

L-inħawi tal-Fiddien fir-Rabat huma magħrufin b'dan l-isem minħabba l-effett li ċ-ċpar iħalli fuq il-flora u l-fawna hekk kif ix-xemx tkun telgħet sew, fejn mir-Rabat il-qtar tal-ilma fuq il-flora tarah qisu fidda.
    Dalgħodu, għadd ta' Rabtin u residenti fl-Imtarfa, b'mod partikolari dawk li għandhom il-veduta ta' Wied il-Qlejgħa, raw xena mhux daqstant komuni. Dan hu ċpar oħxon ħafna li mhux biss għatta l-għelieqi u l-wied iżda baqa' tiela sew 'il fuq.
    Ma naqsux li jkunu diversi dawk li jiġbdu r-ritratti, fosthom Louise Chircop li għadditilna dan ir-ritratt.
    Wied il-Qlejgħa sfortunatament għadu qed jitkarrab għall-attenzjoni, b'mod partikolari fejn jirrigwarda ħitan tas-sejjieħ imwaqqgħin, siġar aljeni u skart li jintrema hemm b'mod illegali, fost problemi oħrajn. F'Settembru tas-sena 2014 kien issemma li l-Fondazzjoni Temi Zammit kien biħsiebha tressaq quddiem il-MEPA proposta għall-proġett f'Wied Qlejgħa (Chadwick Lakes).
    Il-proġett propost jinkludi ċentru għall-viżitaturi, aċċess limitat għall-vetturi, parkeġġ għall-viżitaturi kif ukoll ordni ta' konservazzjoni għall-wied. Il-proġett jaħseb ukoll għal studji dwar l-immaniġġar, ir-restawr u l-monitoraġġ tal-ilma.
    minn inewsmalta.com
     

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home