Wednesday, July 20, 2016

'Sakemm jibqgħu ġejjin se jibqa' jkollna għarqiet ta' immigranti'

Waqt li għadd ta' Deputati Parlamentari Ewropej kienu miġburin fil-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija Ewropa għall-Ażil (EASO) li jinsab fil-Port il-Kbir jitkellmu fuq kif se tissaħħaħ din l-aġenzija, fl-ibħra internazzjonali barra l-Libja diversi organizazzjonijiet umanitarji kienu għaddejjin diversi salvataġġi ta' immigranti.
    Quddiem diskorsi li fihom enfasizzaw ix-xogħol li sar b'rabta mal-fenomenu tal-immigrazzjoni, fejn l-imwiet tal-immigranti li seħħew fl-aħħar xhur tista' tgħid ma ssemmew imkien, inewsmalta.com staqsa lill-istess deputati Parlamentari Ewropej dwar il-fatt li fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm żieda qawwija f'dawk li huma imwiet ta' immigranti, fejn minn 1,838 imwiet fis-sitt xhur tas-sena 2015 dawn telgħu issa għal kważi 3,000 għarqa ta' immigrant.

    L-Ewro Parlamentari Portugiż Carlos Coelho ddikjara bla tlaqliq li, "Dak li qed iseħħ hu riżultat ta' l-influss ta' immigranti. Sakemm jibqa' l-influss ta' immigranti lejn l-Ewropa, se jibqa' jkollna l-imwiet."  L-Ewroparlamentari Miriam Dalli esprimiet id-diżappunt tagħha li kien hemm tkaxkir tas-saqajh għal politika waħda Ewropea fuq l-ażil, waqt li saħqet li l-komunità internazzjonali flimkien mal-Unjoni Ewropea għandha tieħu rwol tagħha ukoll.

    Id-Deputata Parlamentari Cecile Kyenge saħqet fuq il-bżonn li jkun hemm proġetti varji u politika Ewropea unità fuq l-immigrazzjoni. Hi sejħet biex l-Unjoni Ewropea tieħu l-passi neċessarji biex tara li tagħmel ir-riformi meħtieġa fejn tirrigwarda l-immigranti. Enfasizzat li l-politika Ewropea għandhom tmur lil hinn mill-pajjiż fejn jidħlu l-ewwel l-immigranti, imma għandha tkun kwistjoni li tkun trattata mill-pajjiżi kollha Ewropej. Hi ma naqsitx li tispjega li l-Unjoni Ewropea se twaqqaf il-gwardji tal-kosta Ewropej u dawn se jkunu jirrappreżentaw lill-Istati membri kollha. Dan se jsir biex tkun imħarsa ż-żona Schengen. Ma naqsitx li tgħid li għandhom jitneħħew il-fruntieri Ewropej.

    Min-naħa tagħha, għall-mistoqsija ta' inewsmalta.com id-Deputata Parlamentari Ewropew Helga Stevens qalet li hemm bżonn soluzzjonijiet għat-tul fejn jirrigwarda immigranti li qed jaħarbu minn gwerer u persekuzzjonijiet. Qalet li m'hemmx soluzzjonijiet faċli iżda saħqet li jista' jkun hemm ftehim mal-Libja biex l-immigranti jibqgħu hemm u ma jagħmlu il-vjaġġ perikoluż. Minn hemm imbagħad isiru diskussjonijiet fuq ir-rilokazzjoni tagħhom.

    Carlos Coelho, waqt li spjega li sakemm se jibqgħu jsiru l-vjaġġi se jibqgħu jsiru l-għarqiet, qal li fis-sena 2014 kienet saret diskussjoni biex ikun hemm operazzjonijiet ta' salvataġġ. Iddikjara li, "Għandna l-obbligu li nsalvaw il-ħajjiet. Għafasna biex dan isir".

    Intant skont il-Frontex, kien hemm aktar minn żewġ miljun persuna li qasmu l-fruntiera Ewropea matul is-sena 2015.  Kien hemm bejn 1.4 u 1.5 miljun li applikaw għal xi tip ta' protezzjoni. Minn dawn għad hemm 1 miljun applikazzjoni li għad iridu jiġu pproċessati.

    Id-Direttur tal-EASO,  Josè Carreira, fil-preżenza tal-Deputati Parlamentari Ewropej qal li għad fadal xejn inqas minn 10,000 immigrant mitluqin fil-gżejjer Griegi waqt li oħrajn qed jistennew fil-Greċja.
    minn l-orizzont

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home