"Bqajt kull sena nirringrazzja l-Madonna li erġajt twelidt mill-ġdid"
- L-Ispeaker Anġlu Farrugia
"Kienet telefonata mill-Maġistrat li salvatli ħajti. Ried li nmur l-Qorti biex nagħmlu elenku ta' l-isplussivi li kienu instabu. Sħabi l-oħra marru jiddisponu mil-logħob tan-nar li kien instab. Kif kont ħiereġ mill-Qorti, smajt li kien hemm l-isplużjoni abbord il-patrol boat. Missieri Ġorg, kien qalli li s-7 ta' Settembru hi t-tieni data tat-twelid tiegħi. Għadni sa llum, fis-7 ta' Settembru nirringrazzja lil Madonna li għadni ħaj. Dan hu t-tieni twelid tiegħi". Dan sostnieh l-Ispeaker Anġlu Farrugia f'kummenti li għadda lil L-ORIZZONT, hekk kif ilbieraħ kien jaħbat it-32 anniversarju mit-traġedja tal-isplużjoni abbord patrol boat bejn Għawdex u Kemmuna.
Fiha kienu mietu ħames suldati u żewġ pulizija. Ta' min jgħid li l-Patrol Boat C23 ftit xhur ilu kienet għamlet l-aħħar vjaġġ tagħha meta ttieħdet lejn il-bażi marittima f’Xatt it-Tiben minn Sa Maison, fejn kienet stazzjonata għal dawn l-aħħar erba’ snin. Hi tpoġġiet f'post appost biex tkun qed tinżamm bħala memorja tat-traġedja. Ta’ min isemmi li wara li kienet intemmet l-inkjesta dwar it-traġedja, il-Patrol Boat C23 kienet issewwiet u ddaħħlet lura fis-servizz.
Fil-fatt, baqgħet topera sas-sena 2011. L-isplużjoni abbord il-Patrol Boat C23 seħħet żewġ mili ‘l barra mill-Ponta tal-Qala f’Għawdex nhar is-7 ta’ Settembru 1984, meta dik li kellha tkun biċċa xogħol normali għal dawn is-suldati u l-pulizija bħala parti mid-dmirijiet tagħhom, intemmet fi traġedja. Infatti, dawn kienu qed iġorru kwantita ta’ splussiv li kienu qabdu l-Pulizija mingħand nies li jkunu jaħdmu logħob tan-nar illegalment biex jarmuh f’post apposta ‘l barra fil-baħar. Din kienet operazzjoni ta’ rutina li bħalha dak iż-żmien kienu jsir regolarment. F’ħin minnhom, seħħet l-isplużjoni li fiha tilfu ħajjithom dawk kollha li kienu abbord għajr wieħed. Dawk li mietu kienu l-Bumbardier Joseph Pace ta’ 36 sena minn Santa Venera, Gunner William Simpson ta’ 36 sena minn Ħal Lija, Private Anthony Vella ta’ 20 sena minn Għajnsielem, s-Surġent tal-Pulizija Salvu Muscat ta’ 30 sena minn Birkirkara u l-Kuntistabbli Joseph Hare ta’ 24 sena minn Tas-Sliema.
Il-katavri tal-Bumbardier Francis Borg ta’ 36 sena mill-Ħamrun u Private Anthony Farrugia ta’ 27 sena miż-Żejtun kienu baqgħu ma nstabux.
L-uniku wieħed li salva kien Private Emmanuel Montesin, ta’ 21 sena minn Raħal Ġdid, li ttella’ għal fuq helikopter tat-Task Force u ttieħed l-Isptar Craig għall-kura. Sajjied li dakinhar kien qed jistad fuq il-moll, kien irrakkonta hekk ma' L-ORIZZONT : “Smajt splużjoni ġejja minn fuq il-baħar u meta ħarist ilmaħt daħna kbira. Jiena ħsibt li s-suldati kienu splodew xi bombi u ma tajtx kas.” Din l-istess splużjoni li sema’ dan is-sajjietd wara rriżultat li kienet waħda mill-akbar traġedji minn wara l-gwerra ‘l hawn. Għal xi ħin wara l-isplużjoni ħadd minn dawk li raw l-isplużjoni ma basru x’kien ġara għalkemm jidher li kien hemm xi ħadd li ħaseb ħażin u mar ċempel lill-Pulizija. Il-Pulizija għarrfu mill-ewwel lit-Task Force li minnufih bagħtu ħelikopter biex jaraw x’kien ġara eżatt. Ix-xena li ra l-bdot tal-ħelikopter u l-għaddasa li kellu miegħu kienet waħda li tkexkex.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home