Id-destin ta' Ħondoq ir-Rummien għas-6 ta' Ottubru
Id-destin tal-bajja pittoreska ta' Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex se jkun deċiż nhar il-Ħamis li ġej. Dan hekk kif dakinhar se jinstema' l-appell li għamlu l-iżvilupatturi għad-deċiżjoni li kienet ħadet l-istess Awtorità tal-Ippjanar (MEPA) ftit ġimgħat ilu fejn irrifjutat dan l-iżvilupp massiċċ. F'kummenti lil Inewsmalta, Paul Buttiġieġ mill-Moviment Ħarsien Ħondoq, u li ilu jiġġieled kontra dan l-iżvilupp propost għal 14-il sena, qalilna li "milli jidher l-iżviluppaturi ma qatgħux qalbhom. Lanqas aħna mhu se naqtgħu qalbna. X'qed jistennew li jsir miraklu li ma sarx fl-aħħar 14-il sena? Il-Bord tal-MEPA unanimament irrifjuta l-permess u dan jagħtini kuraġġ kbir għax moralment konvint li din hi tattika biex itawlu ż-żmien. Mhux se jaqtgħulna qalbna b'dan imma se jagħmlulna kuraġġ u dan għax mill-appoġġ li qed ikollna minn nies qed juruna kemm hu importanti Hondoq ir-Rummien. Aħna qatt mhu se nieqfu sakemm Ħondoq jiġi f'idejn il-poplu Malti kif kien fl-imgħoddi".
Inewsmalta kien ippubblika ir-raġunijiet għaliex l-iżviluppatur kien appella mid-deċiżjoni tal-MEPA. Hu kien qed jitlob li d-deċiżjoni li ħa l-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar tkun annullata. Dan fuq il-bażi ta' nuqqas ta' smigħ xieraq. F'dokument li ġie ppreżentat hekk kif ġiet appellata d-deċiżjoni, intqal li "t-tribunal qed jintalab li jannulla d-deċiżjoni tal-bord tal-Ippjanar u qed jitlob li l-każ ikun riferut lura lill-bord bi struzzjonijiet biex jitkompla l-assessjar tal-proposti ta' żvilupp tal-applikant". Fid-dokument ippreżentat intalbet li jkun hemm gwida fuq liema waħda miż-żewġ alternattivi ta' proposti għandha titkompla d-diskussjoni jiġifieri jekk hux il-marina jew inkella il-laguna. L-istess tribunal qed jintalab li jingħataw linji speċifiċi ta' x'tip ta' żvilupp hu kkonsidrat aċċettabbli f'Ħondoq ir-Rummien. L-istess tribunal qed jintalab li jingħata linji gwida dwar il-gwadann li għandu jagħmel il-pubbliku minn dan il-proġett. Irid jingħad li ll-Case Officer tal-MEPA, Ivan Fava, kien irrakkomanda li l-proġett m’għandux isir minħabba li dan jinsab fuq art ODZ kif ukoll li se jikkawża problema tat-traffiku. Il-proġett propost kien jinkludi bini ta' appartamenti, lukanda u jott marina. Il-poplu tal-Qala ilu li vvota mis-sena 2001 fejn dakinhar 85 fil-mija qalu le għall-proġett.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home