Il-Mediterran spiċċa f'nofs "logħba politika"
Sa ftit taż-żmien ilu konna nitkellmu fuq baħar Mediterran li kien tista' tgħid ikkontrollat mill-qawwiet militari tal-punent b'mod partikolari is-Sitt Flotta tal-Istati Uniti u preżenza ta' bastimenti Ingliżi. Imma dan ix-xenarju inbidel sew fl-aħħar xhur, fejn forzi militari oħra fosthom il-Qawwa Navali Russa u dik Ċiniża żiedu sew l-influwenza tagħhom. Issa fl-aħħar jiem, anke l-Qawwa Navali tal-Iran uriet li għandha pjan li żżid l-influwenza tagħha fil-Mediterran u dan billi żżid il-bastimenti fil-Mediterran. Kollox jindika li anke intlaħaq ftehim mal-Italja biex dawn il-bastimenti jidħlu għall-kenn f'portijiet Taljani. Fi kliem sorsi militari li tkellmu ma' Inewsmalta, il-mod kif inbidel ix-xenarju fl-aħħar xhur jidher biċ-ċar li llum il-Mediterran m'għadux kontrollat mill-forzi tal-Punent.
Jgħidilna ukoll li "llum il-Mediterran tista' tgħid li hu fiċ-ċentru ta' logħba ġeo strateġika li ddur mal-kwistjoni Sirjana." Il-preżenza militari u l-użu ta' portijiet Taljani, qed tqajjem allarm fosthom fl-Iżrael. L-istess sors qalilna li kollox idur mal-kwistjoni fir-Sirja u mal-fatt li naqset il-preżenza militari tal-Istati Uniti u r-Renju Unit fil-Mediterran. Jispjegalna li fuq naħa hemm ir-Russi li jridu li s-Sirja tibqa' magħquda bħala pajjiż wieħed b'appoġġ għall-President Assad, waqt li l-Istati Uniti u Franza qed jappoġġjaw lill-forzi tal-oppożizzjoni. "Issa għandna forzi militari oħra fosthom dik Russa li għandha influwenza kbira b'mod partikolari fil-lvant tal-Mediterran. Din issa bagħtet ukoll l-aircraft carrier Admiral Kuznetsov fil-Mediterran. Minn naħa tagħha, iċ-Ċina kienet iddeċidiet li tibgħat bastimenti militari fil-lvant tal-Mediterran. Trid tqis li din l-influwenza Russa ġiet stabbilità b'mod kostanti tlett snin ilu biss meta bdiet tuża l-port Sirjan ta' Tartus. Minn dakinhar 'l hawn żidet sew il-preżenza tagħha." Jenfasizza li "fl-aħħar jiem, forsi b'sorpriża għalkemm il-kuntatti kienu ilhom hemm, l-Iran u l-Italja qablu li jikkoperaw aktar bejniethom. Is-Sibt li għadda il-bastiment 'Euro' daħal fil-port ta' Bandar Abbas. Kien xi 16-il sena ilu l-aħħar darba li bastiment Taljana daħal f'port Iranjan. L-Italja uriet id-disponibilità tagħha li l-portijiet tagħha jintużaw mill-flotta Iranjana. Dan sar għax naqas bil-kbir l-użu ta' portijiet Taljana mill-flotta tal-Istati Uniti, peress li din naqset il-preżenza tagħha fil-Lvant Nofsani." Nistaqsuh dwar jekk jarax li tistona l-preżenza Iranjana fil-Mediterran, hu qalilna li "għandhom dritt ikollhom preżenza militari f'ibħra internazzjonali u li jużaw portijiet fil-Mediterran. Dan irid isir skont trattati bilaterali li jkun hemm. Dak hu li għadhom kif għamlu mat-Taljani. Ovvjament naħseb li hemm kwistjonijiet oħra fosthom li l-bastimenti Iżraeliti jinżammu kemm jista' jkun bogħod milli jbaħħru fil-Mediterran. Tajjeb li wieħed iżomm f'rasu li sa issa l-bastimenti militari Iranjani ma kienux baħħru lil hinn mill-Gulf ta' Aden. Kienet ix-xewqa tal-Iran li jkollu influwenza u jieħu l-kontroll ta' gżejjer fl-istrett ta' Bab al Mandab fid-dħul għall-Baħar l-Aħmar. Il-gżira ta' Perim kienet f'idejn ġellida Houthi, li l-akbar alleat tagħhom hu l-Iran. Il-preżenza tal-flotta Eġizzjana tal-Għarabja Sawdija u tal-Emirati Għarab Magħquda fil-kunflitt fil-Jemen u t-teħida ta' żoni strateġiċi minn idejn il-militatn Houthi, ikkontribwixxew bil-kbir biex bastimenti tal-Iran iżidu l-preżenza fil-Mediterran".
Dwar x'implikazzjonijiet jista' jkun hemm, hu jgħidilna li "jekk nieħdu l-pajjiżna, aħna dejjem nisħqu irridu paċi fil-Mediterran. B'bastimenti u logħob strateġiku navali, jista' f'ċertu każi jwassal għal tensjoni bla bżonn. Li hu żgur hu li diġa ħerġin rapporti mill-Iżrael li qed juru li huma ukoll għandhom bżonn jagħmlu xi ħaġa minħabba l-preżenza militari fil-Mediterran tal-Iran. Fl-aħħar jiem kien hemm rapporti li kienu qed isemmu kif il-flotta Iżraeljana hi dgħajfa u li hemm bżonn tissaħħaħ. L-istess rapporti jgħidu li uffiċjali fil-Pentagon u tal-Qawwa Navali taw pariri lil Iżrael biex jaġġorna u jkabbar il-flotta tiegħu. Dan fid-dawl li pajjiżi ġirien bħall-Eġittu qed jinvestu sew f'bastimenti navali. Filfatt dawn għadhom kif nidew l-Anwar El Sadaat, bastiment li jġorr il-helikopters u l-Gamal Abdel Nasser. Issa rridu nistennew biex naraw kif se jiżvolġu l-affarijiet, fejn bla dubju ta' xejn wieħed irid jistenna x'se jiġri fl-elezzjoni għall-Presidenza Amerikana, għax din jista' jkollha effett kbir fuq il-preżenza tal-flotta tal-Istati Uniti fil-Mediterran u l-Lvant Nofsani".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home