Thursday, September 29, 2016

Gallozz Aħmar f'kontroversja ... ornitoloġist, kaċċaturi u Birdlife jgħidu tagħhom

Appell imqanqal minn mara biex jinġabar għasfur ferut wara li aktarx ħabat ma' x'imkien, wassal għal kontroversja sħiħa f'siti soċjali. L-għasfur kien Gallozz Aħmar, li mhux daqstant komuni u li l-popolazzjoni tiegħu qed tonqos. Il-mara allegat li meta ċemplet lil Birdlife qalulha li ma jistgħu jagħmlu xejn għalkemm huma ma kinux jafu x'tip ta' għasfur hu.
Humu talbuha ċċempel lid-Direttorat tal-Animal Welfare. Wara li l-mara tefgħet appell ta' għajnuna fuq sit soċjali u qalet dak li għaddiet minnu fosthom dak li qalulha l-Birdlife qamet kontroversja sħiħa b'għadd ta' kaċċaturi jagħmlu allegazzjoni li dan ma nġabarx għax ma kienx vittma ta' kaċċa illegali. Biss ftit ħin wara li deher dan l-appell, Birdlife ġabru l-għasfur.
L-ornitoloġist Natalino Fenech ukoll ikkriktika lil Birdlife ġabru l-għasfur tliet sigħat wara l-ewwel telefonata u meta minn ritratt li ntefa' f'siti soċjali deher li dak hu għasfur mhux daqstant komuni.
L-appell tal-mara kien jgħid hekk: "Tistgħu tgħinuni? Sibt dan l-għasfur f'Ħal Lija u jidher li hu mweġgħa. Ċempilt lill-Birdlife u qaluli li ma jistgħux jgħinu u talbuni nikkuntattja lil Animal Welfare. Meta ċempilt lil Animal Welfare qaluli biex inċempel lill-Birdlife jew it-Taqsima tal-Infurzar tal-Pulizija (ALE). Jien ġbartu imma ma naf xejn fuq l-għasafar ma nistax inżommu".
Dan il-messaġġ inkiteb minn Katherine Borg Harwood fis-sit soċjali ''Rubs Puppy Love''. Immedjatament kienu diversi dawk li bdew jikkummentaw dwar dak allegat li Birdlife li mhux l-ewwel darba li esponew għasfar li jkunu vittmi ta' kaċċa illegali, iżda f''dan il-każ ma sarx hekk mill-ewwel għax l-għasfur kien jidher li mhux vittma ta' kaċċa illegali.
Immedjatament inbdiet diskussjoni dwar dan u x'kien se jiġri mill-għasfur fejn il-persuna konċernata anki tellgħet ritratti tiegħu.
 L-ornitoloġista Natalino Fenech ikkummenta f'sit soċjali u qal li "xi ħadd ikkuntattja lil Birdlife u bagħtilhom ritratt ta' Gallozz Aħmar. Din hi speċi li l-popolazzjoni tagħha qed tonqos minn madwar id-dinja. Birdlife qalulha li ma jistgħu jagħmlu xejn. Wara li l-persuna poġġiet ir-ritratti u l-għasfur kien identifikat xi speċi hu, il-Birdlife kienu infurmati u huma marru jiġbruh. Dan inġabar tliet sigħat wara li sar l-ewwel kuntatt. Dawn huma l-istess nies li regolarment jitkellmu fuq l-irregolaritajiet. Bla kliem".
Hekk kif ittella' l-avviż ta' għajnuna u ntqal li Birdlife qalu li ma jistgħu jagħmlu xejn, ma naqsux għadd ta' kummenti ta' kaċċaturi li bdew jallegaw kif Birdlife jmorru jiġbru l-għasfar li jkunu vittmi ta' kaċċa illegali, iżda f'dan il-każ ma intwerietx l-istess ħeġġa bl-allegazzjoni tkun li dan sar għax ma kienx hemm kaċċa illegali involuta.
inewsmalta.com għamel kuntatt ma' Birdlife fejn tlabnihom jispjegaw dak li seħħ b'mod partikolari rigward dak allegat mill-persuna li tellgħet l-avviż, jiġifieri li Birdlife qalu li ma jistgħu jagħmlu xejn. Fir-risposta tagħha Birdlife qalet biss li l-għasfur inġabar u ddikjarat li dan sar mal-ewwel ċans li kellha.
Birdlife fir-risposta tagħhom qalulna li "f’dan il-każ, l-għasfur konċernat (Gallozz Aħmar, Corn Crake) inġabar minn BirdLife Malta li ħadet azzjoni kif tieħu f’kull każ simili mal-ewwel ċans li kellha dakinhar wara li daħal dan ir-rapport. Fl-istess ġurnata t-tim tar-Raptor Camp ta’ BirdLife Malta kien imsejjaħ fuq numru ta’ każi oħra fosthom rapport li daħal minn Tas-Sliema dwar Buqrajq u rapport dwar Arpa li kienet osservata fl-inħawi tal-Buskett.
Dan minbarra l-ħidma normali ta’ sorveljanza li tkun għaddejja bħal dan iż-żmien tal-passa tal-għasafar. Il-każi kollha ġew segwiti minn BirdLife Malta."
Qalet ukoll li "BirdLife Malta tfakkar li każi ta’ ksur tal-liġi u ta’ għasafar feruti għandhom jiġu rrappurtati l-ewwel lill-Pulizija fuq in-numru 119 imbagħad lilha fuq 2134 7645/6 fil-ħinijiet tal-uffiċċju jew fuq il-hotline 7925 5697 (numru strettament riservat għal każi ta’ reati kriminali u emerġenzi) filgħaxijiet u tul tmiem il-ġimgħa. Rapporti oħra jistgħu jintbagħtu permezz ta’ email fuq info@birdlifemalta.org inkella permezz ta’ messaġġ fuq il-Facebook tagħna fl-indirizz www.facebook.com/birdlifemalta. F’kull każ li jidħlilha BirdLife Malta taħdem mill-qrib mal-Pulizija u mad-Dipartiment tal-Animal Welfare."


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home