Thursday, September 29, 2016


''Attivitajiet illegali bħal dawn għandhom jitwaqqfu b'mod partikolari f'żoni turistiċi,'' 
-is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar, Graziella Galea

It-talb minn Musulmani f'post f'Buġibba ...
Is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar, Graziella Galea għadha kif iddikjarat - b'riferenza għal attivitajiet ta' talb minn Musulmani f'Buġibba - li "attivitajiet illegali bħal dawn għandhom jitwaqqfu b'mod partikolari f'żoni turistiċi".


Waqt li kkummentat fuq il-laqgħa tal-Kunsill li saret nhar l-Erbgħa dwar talb minn Musulmani f'Buġibba u applikazzjoni li hemm mal-MEPA dwar dan, qalet li "l-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar qabel b’mod unanimu li l-Kunsill għandu joġġezzjona għall-applikazzjoni għall-bdil ta’ użu u sanzjonar ta’ post tat-talb f’Buġibba. Billi kien hemm diversi persuni preżenti għall-laqgħa, il-maġġoranza tagħhom kontra din l-applikazzjoni, wara li ppreżentajt l-informazzjoni relatata ma’ din l-applikazzjoni, bħala Sindku tlabt li tiġi sospiża l-laqgħa biex dawk preżenti setgħu jitkellmu dwar din l-applikazzjoni. 

Wara din id-diskussjoni, b’mod unanimu, il-Kunsill qabel li għandu joġġezzjona għal din l-applikazzjoni.
''Nemmen li l-post magħżul: Hu inadekwat għall-attività li hu maħsub għalih għax hu żgħir żgħira, jinsab taħt l-art u mhux aċċessibli għal kulħadd. Dan ixekkel u jnaqqas l-ordni pubblika u kawża ta' inkonvenjent – fil-fatt kien hemm diversi lmenti mir-residenti li persuni qegħdin jitolbu fit-triq, kif ukoll li dawn jikkawżaw periklu għal kull min irid jgħaddi miż-żona minħabba li l-bankini ma jibqawx aċċessibli għal kulħadd. Dan ikompli jżid il-problema ta’ nuqqas ta’ parkeġġ fiż-żona. Kif issemma' wkoll waqt il-laqgħa tal-Kunsill, fil-fatt dan il-post ilu jopera illegalment, b’effett fuq ir-residenti taż-żona u kull min jgħaddi minn hawn hekk. Attivitajiet illegali bħal dan il-każ għandhom jiġu mwaqqfa b’mod partikulari f’żoni turistiċi għal diversi raġunijiet ovvji li ġa semmejt kif ukoll għax attività bħal din tnaqqas il-valur tal-proprjetà fiż-żona."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home