Ċans kbir li l-fkieren jerġgħu jbejtu
Wara li fil-bidu ta' Awwissu fekruna kienet daħlet fuq ix-xatt fil-Bajja ta' Għajn Tuffieħa għall-ħabta tal-10.00 ta' bil-lejl u biedet ftit qabel nofs il-lejl, ilbieraħ kien hemm l-ewwel tifqis. Din hi l-ewwel darba sa mis-sena 1915 li Fekruna biedet fuq ix-xtajta Maltija. Sa qabel dan it-tifqis, Malta ma kinitx imniżżla fuq il-mappa ta' fejn ibidu l-fkieren fil-Mediterran. B'dak li seħħ lbieraħ, Malta issa tinsab fuq il-mappa. Kollox qed jindika li l-prospetti li jkun hemm aktar bejtiet mill-fkieren fuq bajjiet Maltin huma inkoraġġanti. Kienu il fuq minn 60 fekruna li faqqsu lbieraħ fejn dak il-ħin stess rħewlha lejn il-baħar. Iż-żona fejn biedet il-fekruna kienet osservata minn diversi rappreżentanti u volontieri minn Nature Trust Malta.Inewsmalta tkellem ma' bioloġista dwar dan il-fatt storiku, fejn waqt li esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għat-tifqis saħqu fuq il-bżonn li l-baħar jitnaddaf mill-plastik wieħed mill-akbar għedewwa tal-fkieren.
Ma naqsux li jirrimarkaw kif ħafna minn dawn il-fkieren żgħar se jispiċċaw vittmi tal-predaturi fil-baħar. Biss fi kliemu stess, studju dwar il-fkieren fil-Mediterran b'mod partikolari il-Punent tal-Mediterran qed juru li hemm xejra ta' żieda f'dawk li huma bejtiet. L-istess bioloġista qalilna li "jekk wieħed jieħu l-kosta tal-Campana fil-Lbiċ tal-Italja jara li l-ewwel bejta kienet reġistata fis-sena 2002. Minn dakinhar 'l hawn kull sentejn jew erba' snin baqgħu jinstabu l-bejtiet. Biss sa mis-sena 2012, kien qed ikun hemm sa seba' bejtiet kull sena." L-istess biologista qalilna li l-istudji dwar il-fkieren fil-Mediterran juru li qed ikun hemm xejra ta' żieda ta' bejtiet fejn l-istess studji jgħidu li dan jidher li qed isir minħabba żieda fit-temperatura ta' wiċċ il-baħar fil-Punent tal-Mediterran. L-aktar postijiet li fihom ibejtu l-fkieren huma fil-Greċja, Turkija, Ċipru u l-Libja. Ta' min jgħid li din is-sena ix-xtajtiet ta' Kyparissia fil-Greċja kellhom xejn inqas minn 2,500 każ ta' fkieren li bejtu. Dan ifisser li għall-ewwel darba mindu kienu qed ikunu reġistrati l-bejtiet, inkiser kull rekord. Inkitbet l-istorja fuq il-konservazzjoni ambjentali
Il-bioloġista marittimu Alan Deidun ikkummenta li "inkitbet paġna ġdida f'dik li hi konservazzjoni ambjentali. Dan hu l-ewwel każ ta' suċċess ta' tifqis ta' bajd ta' fekruna sa mis-sena 1915, wara tentattivi fis-sena 1960 u fis-sena 2012. Dawn il-fkieren se jiġu lura lejn il-Bajja ta' Għajn Tuffieħa meta jkunu kibru biex ibejtu. Biss biex jiġri irridu nkunu aktar prudenti fuq ix-xtajtiet tagħna f'dawk li jirrigwarda żvilupp u attivitajiet oħra". In-Nature Trust Malta min-naħa tagħha ma naqsitx milli tirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod kienu ta’ għajnuna billi offrew ftit mill-ħin tagħhom biex josservaw u jieħdu ħsieb lil dawn il-fkieren.
F’messaġġ fuq il-paġna fuq is-sit soċjali tagħha, Nature Trust qalet kif dan kollu ma kienx ikun possibbli kieku l-istess individwi ma għamlux sagrifiċji billi jqattgħu ħinijiet fix-xemx u anke fix-xita biex jipprevjenu lill-ġrieden u predaturi oħrajn milli jkunu ta’ periklu għall-bejta tal-fkieren. Il-fekruna li bejtet fil-Bajja ta' Għajn Tuffieħa hija loggerhead, bil-Malti magħrufa bħala l-fekruna komuni. Min jaqbad, joqtol, jieħu jew ibigħ dawn il-fkieren ikun qed jikser il-liġi u jistgħu jittieħdu passi kontra tiegħu. Fil-fatt, hemm multa ta' bejn il-€500 u l-€2,400 għal kull bajda li tinqered jew tittieħed mis-salvaġġ. Faqqsu 66 fekruna wara 56 jum L-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA) qalet li faqqsu b'kollox 66 fekruna wara 56 jum ta' inkubazzjoni. Hi spjegat li l-ERA ħadet il-passi meħtieġa biex ikun hemm disturb mill-inqas taż-żona fosthom mid-dawl. L-ERA spjegat li l-lejl ta' bejn it-Tnejn u t-Tlieta kien wieħed bla dawl ta' qamar u dan għamel l-ħidma mill-voluntieri u uffiċjali aktr diffiċli. Qalet li hu ttamat li dawn il-fkieren jirritornaw lejn pajjiżna bejn 25 u 30 sena oħra biex ibejtu.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home