"Infetħet 'il bogħod mill-jiem tal-festa u fil-periferiji ta' Ħaż-Żabbar"
Fi stqarrija l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883 xtaqet tiċċara u tirrabatti l-"ineżatezzi" li ġew miktuba fl-artiklu “Jimmiraw għal rekord dinji... wara dak lokali” li deher fuq il-portal onlajn inewsmalta. Saħqu li r-ritratt li deher mal-artiklu ma jirriflettix l-umbrella li ġiet sottomessa għall-verifiki tar-rekord kif miktub u t-titlu “L-Akbar Umbrella tal-Festi f’Malta” huwa wieħed qarrieq, u li jinganna u jiżgwida lill-qarrejja. L-istess għaqda kompliet tgħid li f’Settembru tal-2014, The Malta Records kejlu l-umbrella maħduma mill-Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti meta din kienet armata biex titgawda fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja. Dik il-ġimgħa, li kienet il-ġimgħa tal-festa f’Ħaż-Żabbar, suppost li kellha titkejjel ukoll l-umbrella msemmija fl-artiklu, iżda peress li d-differenza fil-kobor hija anke viżwalment evidenti, "kif jista’ jixhed kull min jattendi għall-festa f’Ħaż-Żabbar", dawn irtiraw u ma daħlux għall-imsemmi rekord.
Sena u nofs wara, f’Ġunju tal-2016, ‘il bogħod mill-jiem tal-festa u fil-periferiji ta’ Ħaż-Żabbar, ‘il bogħod ukoll minn fejn tinfetaħ fil-festa, ġara dak li ġie rrappurtat fl-imsemmi rapport. L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel tisħaq li din l-umbrella, alterata biss għal dakinhar, ma tistax tinfetaħ fil-jiem tal-festa kif stipulat f’kuntratt bejn il-partijiet kollha. Tant hu hekk li saħansitra ntbagħtet ittra uffiċjali lill-Għaqda tagħna fejn is-Soċjetà l-oħra qed tiggarantixxi li l-umbrella li se tintuża għall-festa li għadha kemm għaddiet hija l-istess waħda tas-snin ta’ qabel, jiġifieri l-istess waħda li kienu rtiraw li jkejlu fil-jiem tal-festa u mhux kif modifikata f’Ġunju fil-periferiji ta’ Ħaż-Żabbar. L-Għaqda tagħmel referenza wkoll għall-interpretazzjoni tar-regolamenti sabiex jitkejjel dan ir-rekord. L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel tiċħad kategorikament li kienet l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel li fasslet dawn ir-regolamenti kif ġie allegat kemm il-darba fuq il-midja soċjali. Li ssib ‘toqba’ fir-regolamenti, kif saħansitra ġie rrapurtat minn inewsmalta, mhux mod serju u denju kemm għal min japplika kif ukoll għal min jivverifika rekord u jiġu jew ma jiġux ikkwotati biss ċerti regolamenti filwaqt li jiġu injorati oħrajn.
L-Għaqda żżid tgħid li t-titlu "l-akbar umbrella ta’ festa" jitkellem waħdu u jħallu lil kulħadd jasal għall-konklużjoni meta u fejn jinfetħu l-umbrelel tal-festa f’Ħaż-Żabbar. L-Għaqda tirringrazzja lill-Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti, flimkien mal-voluntiera kollha li kienu ħadmu fuq din l-umbrella ġawhra unika taż-Żabbarin kemm għall-gost li dejjem tat lill-partitarji numerużi Bajdisti flimkien ma’ dawk kollha li jiġu jżuruna, kif ukoll għall-ħsieb u l-għaqal li għarfu jużaw sa mill-bidu nett fejn qatt ma kellha għalfejn tiġi armata u alterata fi żmien barra l-festa sabiex tikkompeti f’xi rekord jew għal xi raġunijiet oħra. L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel temmet tgħid li se tħalli kemm għall-intelliġenza tal-qarrejja kif ukoll għal dawk l-eluf li jiġu għall-festa ta’ Ħaż-Żabbar il-ġudizzju ta’ min hi verament l-akbar umbrella ta’ festa.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home