Sunday, October 2, 2016

"La wasalna magħhom fix-xhur li fadal naqbżuhom u nirbħu l-elezzjoni"
     - Il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil


'Tinsewx it-tiġrija sal-barkun". "La wasalna sa hawn naslu sal-aħħar u nirbħu l-elezzjoni". "Wasalna magħhom fi tlett snin u fix-xhur li fadal se naqbżuhom". Dan iddikjarah il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil f'laqgħa politika fin-Nadur b'riferenza għal stħarriġ li ġie ppubblikat dalgħodu dwar id-distakk li hemm bejn il-partiti politiċi.
Qal li "kien hemm stħarriġ fil-Maltatoday, li juri li d-differenza tant hi żgħira bejn il-partiti li tista' tintrebaħ min partit u tista' tintrebaħ minn partit ieħor. Tliet snin u nofs biss wara ninsabu qed niġġieldu biex nirbħu l-elezzjoni ġenerali. Min qatt kien jimmaġina li issa l-Partit Nazzjonalista qed jiġġieled b'possibilità ċara li jirbaħ l-elezzjoni. Il-messaġġ tiegħi hu messaġġ, li fi ftit xhur li fadal għal elezzjoni se naqbżuhom u se nirbħu l-elezzjoni. La wasalna s'hawn kapaċi naslu sal-aħħar. Tinsewx it-tiġrija sal-barkun."

Il-Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil fid-diskors tiegħu qal li "jien u ġej kellimni ħaddiem tal-Gozo Channel u qalli kemm huma iddispjaċuti. Dawn wegħduhom li se jiddaħħlu mal-Gvern iżda minflok impjegawhom ma' kuntrattur b'kuntratti prekarji. Lil dawk qed juruhom li użawhom għall-vot u irmewhom.
Fl-aħħar tlett snin u nofs ma waqafniex niltaqgħu man-nies u qed nuru kif għandna nservu lin-nies". Enfasizza li "hu għalhekk li kontinwament noħorġu bil-proposti tagħna. Se noħorġu b'dokument ta' qabel il-baġit, fejn is-sena l-oħra kienet l-ewwel darba li għamilniha. Ma niddejqux li l-ideat noħorġuhom minn issa u dan nagħmluh għax nixtiequ l-ġid. Biex il-proposti tassew jitwettqu u mhux bil-paroli biss, irid ikun hemm il-Partit Nazzjonalista fil-gvern. Lill-anzjani għednielhom li se nneħħu t-taxxa tad-dħul fuq il-pensjoni għax hem numru ta' pensjonanti li għandhom din it-taxxa. Inżidu l-pensjoni bis-serjetà u mhux kif żiedha Joseph Muscat biex jidħak bihom f'wiċċu. Aħna flok nonfqu l-flus fuq Kabinett kbir, nonfquhom fuq l-anzjani. Dan ix-xahar hu ddedikat għal kanċer tas-sider. Jidhrilkom li hu sew li dan il-gvern isib flus għal kollox u ma jsibx 4 miljuni Ewro għal kimoterapija u dak li jkun ikollu jmur jitkarrab għand il-President tar-Repubblika. Qed inwegħdu li nagħtu kimoterapija b'xejn."

Dr Busuttil qal li "Joseph Muscat m'għandux ruħ soċjali" u rrimarka li ż-żieda fil-kera għal akkomodazzjoni soċjali titneħħa meta jkun hemm Gvern Nazzjonalista ġdid. Qal ukoll li "biex nimbuttaw il-proprjetà f'Għawdex, għandha titbaxxa it-taxxa tal-boll għal min jixtri proprjetà f'Għawdex. Il-proposti tagħna se jibqgħu ħerġin. Wasal iż-żmien li fuq it-traffiku mhux nitkellmu jew li jkollna ministru li t-traffiku jagħmlu agħar, imma li jkun indirizzat. Iva għandna viżjoni ambizzjuża imma se nintrabtu li nwettquha. Qed ngħidu li wasal il-mument li jkollna sistema ta' traffiku alternattiva. B'tal-linja ma waslaniex. Taqbad tram mir-Rabat Għawdex u f'nofs siegħa wasalt l-università u l-belt u filgħaxija terġa' lura d-dar Għawdex. Dan joħloq dinamiżmu ġdid. Wara li ħriġniha aħna, l-Ministru Mizzi għamel konferenza stampa u ħabbar li se jsir studju. Ngħidlu li tajjeb li jsir studju, imma t-tram se jkun il-Gvern Nazzjonalista li jwettqu mela int".
Simon Busuttil qal "li l-Gvern Laburista mhux iwettaq għax hu mehdi biex jisserva hu flok iservi lin-nies." Qal li Gvern Nazzjonalista mmexxi minnu ma jaċċettax kunflitt ta' interess ċar bħal dak li għandu ċ-Chief of Staff, Keith Schembri.
Tenna li "l-monument tal-korruzzjoni se jidħol f'pajjiżna ftit jiem oħra. Dan it-tanker qiegħed x'imkien ibaħħar viċin l-Għarabja Sawdita fi triqtu lejn l-Eġittu. Dan ftit jiem oħra se jkun ankrat fil-bajja ta' Marsaxlokk. Se joħloq problema kbira għall-pajjiż kollu. Monument ta' korruzzjoni għax jinten. Għax id-dokumenti għadhom ma' ħarġux. Jinten għax ma tagħmilx sens li tintrabat li tixtri l-elettriku minn kumpanija meta hu irħas li tixtri mill-interconnector. It-tanker tal-gass flimkien ma' affarijiet oħra."


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home