Monday, April 4, 2016

'Ingħaqdna…l-Eritrej u Etjopjani f'Malta kważi kollha qed jaħdmu' 

        - Kefle Andale

Li l-Eritrej u l-Etjopjani huma nies simili b'kulturi jixxiebħu ħafna hu fatt li tarah u tesperjenzah meta tiltaqa' ma' dawn il-kommunitajiet.
Xi darba kienu pajjiż wieħed. Imma maż-żmien il-politiċi wasslu għal qasma. Iż-żewġ pajjiżi iġġieldu għadd ta' gwerer imdemmija bejniethom. Għadhom sa llum lesti għal xulxin u minn żmien għal żmien it-tensjoni fuq il-fruntiera ma tonqosx.
F'Malta imma is-sitwazzjoni bejn dawn iż-żewġ popli hi ferm differenti. F'Malta dawn ingħaqdu bejniethom. Iffurmaw għaqda u qed jaħdmu bla heda biex il-kommunitajiet Eritrej u Etjopjani jintegraw bi sħiħ f'pajjiżna. Fatt pożittiv hu dak li kważi l-Eritrej u l-Etjopjani kollha li hawn f'Malta għandhom xogħol.
"Malta inqisuha id-dar tagħna. Salvawna u spiċċajna hawn. Irridu nikkontribwixxu għall-pajjiż. Irridu nintegraw bi sħiħ. Hawn minna li jafu l-lingwa Maltija sew. Il-parti l-kbira tal-Eritreani u Etjopjani f'Malta għandhom xogħol. Imma biex issir l-integrazzjoni, irid ikun hemm sforzi minn diversi fosthom mill-Gvern. Nixtiequ niltaqgħu mal-Gvern biex nispjegaw dak li qed nagħmlu aħna fost dawn il-kommunitajiet u xi problemi qed niltaqgħu magħhom", jiddikjara Kefle Andale f'isem il-komunità. 
Kefle Andale meta tkellem ma' inewsmalta.com qal li għad hemm immigranti li ilhom għaxar snin f'pajjiżna u għadhom bla ebda tip ta' dokumenti. "Ma jistgħux imorru jaraw qraba tagħhom fl-Ewropa. Dawn imbagħad iħossuhom dipressati. Għalhekk ikun hemm min jagħmel suwiċidju", qalilna Kefle waqt li rrimarka li kien jaf sew lil aħħar migrant li neħħa ħajtu. 
"Hawn min għandu protezzjoni temporanja iżda m'għandu ebda dokument x'juri. Dan ifisser li la jistgħu jsiefru u lanqas jiftħu kont bankarju" qalilna Kefle.
Kefle flimkien ma' membri oħra tal-komunità qed jaħdmu bi sħiħ biex jedukaw lill-membri tal-istess komunità u jenfasizzaw il-bżonn li jintegraw fis-soċjetà Maltija. "Il-Maltin b'mod ġenerali huma nies li jilqgħuk. Nies li dejjem lesti li jgħinu. B'mod ġenerali ma jkolliex problemi mal-Maltin. Huma sezzjoni żgħira li juru li ma jridux Afrikani".
Nitkellmu ma' immigranti oħra dwar il-problema tan-nuqqas ta' dokumenti. Jgħidulek li hemm  min għandu permess ta' residenza, dokument tal-ivvjaġġar  u permess għax-xogħol iżda l-problema hi li xi drabi dawn ma jkunux rikonoxxuti. Persuni bi protezzjoni temporanja m'għandhom ebda drittijiet legali.
Hemm immigranti bi status ta' protezzjoni temporanja u li ngħataw dan  l-istatus minħabba mard.  Biss dawn il-migranti m'huma intitolati għall-ebda għajnuna finanzjarja.
Jirriżulta ukoll li dawk li jaħdmu u  jħallsu l-kontribuzzjonijiet regolari lill-Gvern ma jingħataw ebda benefiċċji f'każ li jitilfu x-xogħol.  Status ta' protezzjoni temporanja jiġġedded kull sena, xi ħaġa li biex issir trid turi li qed taħdem b'mod legali. Din xi drabi toħloq problemi ġodda għall-istess migranti minħabba li hemm sidien ta' postijiet tax-xogħol li ma jkunux iridu  jħaddmuhom b'mod legali.  Dawk bi  protezzjoni temporanja mhux intitolati għall-pensjoni.
Protezzjoni temporanja qed tingħata lil dawk li waslu Malta qabel is-sena 2007. Dawk li daħlu f'Malta fis-sena 2008, m'għandhom xejn x'juru. Kien hemm żmien fejn kienu japplikaw għall-karta ta' identità imma issa qed jingħataw biss ċertifikat ta' immigrazzjoni mill-Pulizija. Minħabba dan la jistgħu jiftħu kont bankarju u lanqas isiefru.
Dawn l-istess migranti jistgħu jingħataw liċenzja għal impjieg temporanju. Dan iżda jkun rivedut kull tlett xhur.  Biss mhux faċli li l-istess migranti bi protezzjoni temporanja isibu sid ta' post tax-xogħol li lest joqgħod japplika għal permess tax-xogħol kull tlett xhur. Dan minħabba skariġġ u anke l-ħlas.
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home