Tkompli t-tensjoni fil-fruntiera bejn il-Greċja u l-Maċedonja... 'Nippruvaw nikkonvinċu migranti jkunu parti minn programm ta' rilokazzjoni'
Is-sitwazzjoni f'Idomeni, post fuq il-fruntiera bejn il-Greċja u l-Maċedonja, baqgħet waħda fejn tispikka t-tensjoni. Sa issa għad hemm xejn inqas minn 11,000 migrant. Post karatterizzat minn sitwazzjonijiet li xejn mhuma dinjitużi. Tara kjuwijiet kbar ta' nies jistennew il-ħobż. Oħrajn jorqdu barra. Ma jonqsux il-protesti. Xi wħud jistennew forsi jerġgħu jinfetħu l-fruntieri. F'dan il-post ftit jiem ilu kien hemm Jean Pierre Schembri, Malti li kien qiegħed hemm f'isem l-Aġenzija Ewropea għall-Ażil (EASO). Fi kliemu stess, l-immigranti li qasmu x-xmara perikoluża reġgħu ġew irritornati lura lejn il-Greċja, waqt li l-ħidma li għaddejja minn uffiċjali tal-EASO hu dak li jikkonvinċu migranti biex ikunu parti minn programm ta' rilokazzjoni.Ta' min jgħid li wara li ftit jiem ilu ngħalqu l-fruntieri, għadd kbir ta' immigranti b'maġġoranza minnhom ikunu Sirjani, bdew jaqsmu xmara li tinsab fil-fruntiera ta' bejn il-Greċja u l-Maċedonja. Dan għamluh f'tentattivi li jkomplu bil-vjaġġ tagħhom. Dawn l-immigranti kienu telqu minn Idomeni, għalkemm imbagħad il-Pulizija Griegi marru il-post.
Uffiċjal tal-Aġenzija Ewropea għall-Ażil (EASO), Jean Pierre Schembri, ra b'għajnejh dak li għaddej fuq il-fruntiera u ddeskriva s-sitwazzjoni ma' L-ORIZZONT bħala diżastruża. Hu ra l-persuni jaqsmu x-xmara quddiemu. Xogħol l-aġenzija f'din iż-żona hu dak li jikkonvinċu lil persuni li hemm fuq il-fruntiera biex ikunu parti minn programm ta' rilokazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Jean Pierre Schembri jgħidilna li "s-sitwazzjoni hi waħda ħażina, b'għadd kbir ta' nies ma jridux jiċċaqilqu minn mal-fruntiera." Jgħidilna li mal-istess immigranti qed ikun hemm għadd ta' traffikanti fejn dawn qed jippruvaw isibulhom toroq ġodda fosthom dik li jaqsmu x-xmara. Hu spjega li dawk li qasmu x-xmara ġew irritornati lura.
Irid jingħad li fl-aħħar sigħat il-Gwardji tal-Kosta fit-Turkija waqqfu ħames dgħajjes b'għadd ta' immigranti li jidher li ħafna minnhom kienu minn Myanmar. Dawn kienu qed jippruvaw jaslu fuq il-gżira ta' Lesbos fil-Greċja.
Fil-Greċja l-ammont ta' immigranti telgħu għal xejn inqas minn 50,256. Minn dawn hemm 4,668 migrant maqbudin fi gżejjer Griegi. Hemm imbagħad 14,150 migrant fir-reġjun ta' Attica, fejn 5,330 minn dawn qegħdin fil-port ta' Piraeus, waqt li 2,920 jinsabu fil-Greċja ċentrali. Fit-tramuntana tal-Greċja hemm 28,518 migrant. F'Idomeni l-immigranti naqsu għal 11,500 persuna. Hemm imbagħad 8,690 migrant li qegħdin f'faċilitajiet f'Kilkis. Fil-gżira ta' Lesbos hemm 2,463 immigrant.


0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home